AKTAR MINN €11 MILJUN F’GĦAJNUNIET LIL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Il-Gvern hu kommess li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità jimplimentaha b’azzjonijiet konkreti. Dan l-impenn tal-Gvern hu rifless fil-Baġit tas-sena d-dieħla fejn hemm żieda ta’ €2.2 miljun fuq is-sena li għaddiet f’għajnuniet dedikati għal servizzi lil persuni b’diżabilità, li issa se jaqbżu l-€11-il miljun.
Dan ħabbritu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina waqt żjara li għamlet f’Dar Arka, f’Għawdex li tilqa’ fiha u toffri kenn lil persuni b’diżabilità.
Il-Ministru fakkret li ftit tal-ġranet ilu l-Parlament approva numru ta’ emendi f’diversi liġijiet bl-iskop li tkun tista’ tiġi ratifikata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Persuni b’Diżabilità li Malta diġà ffirmat. Il-persuni b’diżabilità għandhom kull dritt għal għajnuna li tgħinhom jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti, inkluż id-dritt li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-pajjiż hu obbligat li jgħin b’kull mezz possibbli lil dawk il-membri tas-soċjetà li għandhom bżonnijiet speċjali jew li jbagħtu minn xi diżabilità u jassikura li jibqgħu integrati fil-komunità li jgħixu fiha.
Biex jassigura dan id-dritt il-Gvern joffri diversi servizzi lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom u jaħseb ukoll b’mod partikolari f’dawk li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jgħixu fil-familja tagħhom iżda jridu jibqgħu integrati fil-komunità li fiha għexu.
Waħda mill-biżgħat ta’ ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità hi xi jsir minn uliedhom meta huma ma jkunux għadhom hemm jew ma jkunux jifilħu jindukrawhom.
B’xorti tajba, il-Knisja u għaqdiet volontarji oħra, bl-għajnuna kontinwa tal-Gvern, jagħtu servizz ta’ residenzi fil-komunità għal dawn in-nies. Dan barra l-ħidma tal-Aġenzija SAPPORT li għandha wkoll residenzi fil-komunità li joffru akkomodazzjoni permanenti għall-klijenti. Dawn jinkludu r-residenza Vajrita f’Marsaskala, Villino Maria fl-Imtarfa, id-djar residenzjali fil-Fgura u f’Ħal Kirkop, u Dar Andrew f’Bormla li kienet l-aħħar residenza li nfetħet. Apparti minn dawn il-postijiet, SAPPORT tħallas ukoll għal positijiet residenzjali f’Dar Arka, Għawdex, u Dar Pirotta f’Birkirkara.
Permezz tas-Servizz fil-Komunità, l-Aġenzija tilħaq mal-105 persuna b’total ta’ 600 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa. Dan is-servizz qiegħed kontinwament jiġi konsolidat.
SAPPORT tmexxi s-Servizzi ta’ Matul il-Jum li bħalissa jingħataw minn 9 ċentri mifruxa ma’ Malta u li jinsabu f‘Marsaskala, Ħal-Far, Fleur de Lys, żewġ ċentri fl-Imtarfa , Birgu, Swatar, Raħal Ġdid u ċ-Ċentru tal-Għomja f’Santa Venera.
Biex tmexxi l-ħidma fejjieda tagħha, is-sena li għaddiet il-Gvern ta lill-Aġenzija SAPPORT is-somma ta’ kwazi €6.6 miljun u għas-sena d-dieħla, biex din il-ħidma tkompli tinfirex il-Gvern qed jivvota €8.1 miljun. Matul is-sena d-dieħla se jinfetaħ servizz ieħor, f’Pembroke, fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ li jgħinhom jisfruttaw opportunitajiet ta’ xogħol.
Dar Arka hi waħda mill-organizzazzjonijiet li toffri kenn lil numru ta’ persuni b’diżabilità li ma setgħux jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom. Din is-sena din id-dar ngħatat €183,000 mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji u s-sena d-dieħla din l-għotja se tiżdied biex tkun tista’ tkompli l-ħidma fejjieda tagħha.
Il-Gvern jagħraf li dan hu qasam li jinħtieġ ħidma kbira u għalhekk irnexxielu jasal fi ftehim ma’ bosta organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jagħtu servizzi lil persuni b’diżabilità u jħallas għalihom il-Gvern. Ftehim ta’ din ix-xorta sar mal-Inspire, l-Equal Partners Foundation, l-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smiegħ, Dar il-Wens, Dar Pirotta, u oħrajn.
Dan biex ma nsemmgħux id-Dar tal-Providenza li weħidha tilqa’ u toffri wens lil aktar minn 100 resident, ta’ etajiet diversi u b’diffikultajiet differenti, uħud minnhom severi ħafna fi tliet vilel fis-Siġġiewi u issa bdiet tiftaħ djar żgħar f’komunitajiet differenti, (is-Siġġiewi u l-Qawra), fejn persuni b’diżabilità jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti.
Il-Gvern jirrikonoxxi wkoll li l-persuni b’diżabilità għandhom dritt għax-xogħol. Għal dan l-iskop, permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jinkoraġixxi lill-persuni b’diżabilità biex jattendu l-programmi ta’ taħriġ ‘mainstream’ li torganizza l-Korporazzjoni.
Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, l-ETC tipprovdi appoġġ permezz ta’ learning support assistants, servizz ta’ trasport b’xejn u interpreti tal-lingwa tas-sinjali meta l-persuni b’diżabilità jbagħtu minn nuqqas ta’ smiegħ jew diffikultajiet oħra.
L-ETC qed torganizza wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ li jakkomodaw gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabilità. B’hekk, dawn is-sessjonijiet ikunu speċifiċi għall-ħtiġijiet u d-diffikultajiet ta’ dawn il-gruppi.
Permezz ta’ ftehim ta’ tliet snin bejn l-ETC u l-Fondazzjoni Inspire, persuni b’diżabilità qed jiġu riferuti mill-ETC biex jattendu għal taħriġ provdut minn din l-organizzazzjoni. Ħafna drabi, dan it-taħriġ qed iwassal ukoll għal job placements fil-Fondazzjoni.
L-ETC toffri wkoll taħriġ informali permezz ta’ opportunitajiet li jesponu persuni b’diżabilità għad-dinja tax-xogħol. Dan isir permezz tal-Work Trial Scheme (proġett ko-finanzjat mill-ESF) u l-proġett Bridging the Gap.
Matul il-Work Trial Scheme, persuni b’diżabilità intelletwali jqattgħu 20 siegħa fil-ġimgħa fuq il-post tax-xogħol għal tlettax-il ġimgħa. Barra l-esperjenza li jiksbu matul dan il-perjodu, ikunu qed jirċievu wkoll allowance ta’ 50% tal-paga minima.
Min-naħa l-oħra, il-persuni li jipparteċipaw fil-proġett Bridging the Gap, persuni b’diżabilità jirċievu allowance ta’ 80% tal-paga minima għal ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol. Ħafna drabi, dan il-placement ma jdumx aktar minn 8 ġimgħat madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż meta jkun ċar li persuna tista’ tikseb impjieg f’dan il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Cristina qalet li sakemm hu possibbli, persuna b’diżabilità għandha tibqa’ tgħix fil-komunità li trabbiet fiha. Għalhekk, kull tant żmien l-Awtorità tad-Djar toħroġ għall-bejgħ postijiet li hi tibni. Dawn il-postijiet ikunu mmirata għal koppji għarajjes, familji, ġenituri waħedhom, u persuni waħedhom. L-Awtorità tirriserva l-ewwel 10% tal-postijiet minn kull kategorija għal persuni b’diżabilità biex ngħinuhom ikunu aktar indipendenti.
Persuni b’diżabilità jingħataw għajnuna finanzjarja biex isiru xogħlijiet ta’ titjib fid-djar tagħhom skont il-ħtiġijiet tad-diżabilità li għandhom. Ix-xogħlijiet jistgħu jinkludu kamra tal-banju aċċessibli, xogħlijiet ta’ rranġar u tibdil biex il-persuna b’diżabilità tista’ tgħix aktar komda. Bejn l-2008 u 2011, l-Awtorità rċeviet mat-323 applikazzjoni u bbenefikaw mat-317 persuna b’diżabilità bi spiża ta’ €1,047,519.
Għajnuna oħra mmirata lejn persuni b’diżabilità tingħata fil-blokki tal-Gvern fejn l-Awtorità tad-Djar tinstalla lifts fi blokok jew entraturi fejn hemm jgħixu persuni b’diżabilità jew nies u anzjani bi problemi ta’ mobilità.
Barra minn hekk meta tibni postijiet ġodda l-Awtorità tinstalla lifts biex issaħħaħ l-aċċessibilità tal-familji li jiġu allokati post. Bejn l-2008 u issa l-Awtorità nstallat mat-48 lift filwaqt li nħareġ it-tender għal 4 lifts oħra u hemm pjan li jiġu preparati t-tenders għal 12-il lift oħra.
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għandha rwol ċentrali fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Permezz tat-Taqsima Ħajja Indipendenti li tinsab Ħal Far, il-KNPD tipprovdi servizzi ta’ pariri, informazzjoni u taħriġ lil persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’aspetti ta’ għixien indipendenti, b’mod speċjali l-mobilità u apparat assistiv. Dawn is-servizzi huma strument importanti li bihom il-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex jaslu għal aktar inklużjoni fis-setturi tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ħajja soċjali.
Fost l-għodda ta’ pariri, persuni b’diżabilità jistgħu jagħmlu użu minn servizzi ta’ helpline u assessjar u pariri dwar Wheelchairs u Seating Systems fejn jingħataw pariri dwar x’tip ta’ wheelchair għandhom jixtru. Isir ukoll assessjar u taħriġ dwar sewqan b’vetturi adattati. Persuni b’diżabilità li jixtiequ jsuqu jista’ jsirilhom driving assessment f’dan iċ-Ċentru. Persuni b’diżabilità li jistgħu jsuqu jistgħu jingħataw lezzjonijiet ta’ sewqan fuq karozzi modifikati minn persuni kwalifikati li rċevew taħriġ f’dan il-qasam.
Persuni b’diżabilità jistgħu jibbenefikaw ukoll minn assessjar u pariri dwar apparat li jintuża’ biex jgħinhom fl-attivitajiet tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum.
Bħalissa l-Kummissjoni qed tiffinalizza rapport dwar Supported Independent Living. Dan hu settur li għandu bżonn ħafna servizzi differenti u għalhekk il-Gvern jifhem il-bżonn ta’ investiment biex isiru l-iżviluppi kollha li hemm bżonn. Għal dan l-iskop fil-Baġit il-Gvern alloka s-somma ta’ €2 miljun fuq perjodu ta’ ħames snin bis-somma għas-sena 2012 tkun ta’ €400,000.
Ix-xibka ta’ servizzi soċjali taħseb biex twieżen b’mod xieraq lil persuni b’diżabilità.
Bħalissa meta persuna b’diżabilità tkun trid tirreġistra mal-ETC għal xogħol, tapplika għal pensjoni tad-diżabilità jew tapplika biex tingħata l-karta tal-identità speċjali mill-KNPD, trid tgħaddi minn tliet bordijiet u assessjar differenti skont l-entità rispettiva. Dan joħloq inkonvenjent għal dawn il-persuni.
Għaldaqstant, bħalissa l-Ministeru flimkien mal-entitajiet qed jiddiskutu u jistudjaw il-possibilità sabiex persuni b’diżabilità jiġu assessjati minn bord wieħed sabiex jibbenefikaw mis-servizzi kollha li jkunu ntitolati għalihom.
Dan l-assessjar ser jibda jsir minn tim ta’ professjonisti li flimkien se jkunu jistgħu jikkonfermaw li l-persuna għandha diżabilità u l-livell tad-diżabilità u għalhekk liema servizzi ta’ għajnuna jistgħu jibbenefikaw minnhom. Dan it-tim ser jassisti wkoll sabiex jindika lill-ETC liema xogħol tkun tista’ tagħmel il-persuna b’diżabilità.
Għal dawk li huma pensjonijiet tad-diżabilità, fil-Baġit tħabbar li mis-sena d-dieħla se nkomplu ngħinu lil persuni b’diżabilità filwaqt li nkomplu ninkoraġġuhom biex jgħixu ħajja indipendenti u tal-ogħla kwalità.
Dawk li jirċievu pensjoni tad-diżabilità severa, se jkunu jistgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom. Ovvjament, dan m’għandux iservi ta’ inċentiv biex persuni b’diżabilità ma jidħlux id-dinja tax-xogħol. Nemmnu li l-pensjoni għandha tkompli tgħin biex tagħmel tajjeb għal ftit mill-ispejjeż li huma marbutin mal-bżonnijiet tad-diżabilità.
Barra minn hekk, fejn f’dawn l-aħħar ħames snin persuna li tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità severa li tiżżewweġ kienet tibqa’ tirċievi l-pensjoni matul l-ewwel ħames snin taż-żwieġ, issa se nneħħu dan il-limitu ta’ żmien biex persuna li tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità severa li tiżżewweġ qatt m’hi ser titlef dan il-benefiċċju u tibqa’ tibbenefika mil-pensjoni tad-diżabilità.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en