€5 MILJUN F’GĦAJNUNA LILL-GĦAQDIET VOLONTARJI
Matul is-sena li ġejja l-Gvern se jkompli jgħin lill-għaqdiet volontarji billi jgħaddilhom €2.9 miljun minn fond apposta u €2 miljun oħra f’għajnuniet permezz ta’ ftehimiet apposta li jsiru magħhom biex jagħtu servizzi speċifiċi. B’hekk jgħinhom biex ikomplu bil-ħidma utli tagħhom b’risq il-pajjiż u b’mod partikolari b’risq persuni vulnerabbli.
Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onor. Dolores Cristina, waqt żjara li għamlet f’hostel li fetħet il-Fondazzjoni Richmond f’Raħal Ġdid li fih qed jgħixu flimkien numru ta’ persuni bi problemi mentali.
Qed noqorbu lejn tmiem is-sena li kienet dedikata lill-Volontarjat. Fix-xhur li għaddew kienu organizzati numru ta’ attivitajiet biex jippromwovu u jsaħħu l-volontarjat li f’pajjiżna diġà kellu egħruq sodi ħafna u naħseb li din il-ħidma ssarfet billi aktar persuni, partikolarment żgħażagħ, iddeċidew li jiddedikaw parti mill-ħin u l-enerġija tagħhom għas-servizz tal-oħrajn.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li jgħin li dan is-settur importanti tas-soċjetà fejn mijiet ta’ għaqdiet u eluf ta’ voluntiera jagħtu servizz dedikat fil-komunità, fl-oqsma soċjali, ambjentali, edukattivi, sportivi, kulturali u għadd ta’ oqsma oħra fejn l-Istat waħdu ma jasalx.
Fil-fatt, kien dan il-Gvern li fl-1994 waqqaf Fond apposta biex jgħin lill-Għaqdiet Mhux Governattivi fil-ħidma tagħhom. Minn dakinhar ‘l hawn qassamna aktar minn €26 miljun lil dawn l-għaqdiet, bl-aħħar għotjiet jingħataw ftit tax-xhur ilu.
Għas-sena d-dieħla se nkomplu ninvestu f’dan il-Fond u qed nipprovdu kważi €3 miljun biex inqassmu fost l-għaqdiet volontarji.
Lill-għaqdiet volontarji, il-Gvern ma jgħinhomx biss permezz ta’ dan il-Fond. Hemm għajnuna oħra, taħt diversi forom, li jistgħu jibbenefikaw minnha. Biżżejjed insemmi l-Benefiċċju tal-Enerġija, postijiet b’kera ssussidjat mid-Dipartiment tad-Djar, kiri ta’ sodod mingħand organizazzjonijiet li joffru servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità u forom oħra ta’ għajnuna.
Biex inkomplu nsaħħu dan is-settur, ħames snin ilu għamilna Liġi apposta dwar l-Organizazzjonijiet Volontarji li permezz tagħha twaqqfu żewġ korpi biex flimkien jassiguraw aktar koordinament, professjonaliżmu u trasparenza fil-ħidma volontarja. Għamilna l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u l-Kunsill tal-Għaqdiet Volontarji.
Bħal kull liġi oħra, wara ħames snin li ilha titħaddem, wasal iż-żmien biex neżaminaw ir-riżultati li tatna l-Liġi dwar il-Volontarjat u nagħmlu t-tibdil li hemm bżonn biex dan il-qasam jaħdem aħjar. Dalwaqt inkunu nistgħu nressqu xi emendi għal din il-liġi wara li għamilna konsultazzjonijiet ma’ dawk konċernati. Dawn l-emendi huma maħsuba biex jiddefinixxu aħjar ir-relazzjoni bejn il-Kummissarju u l-Kunsill, il-funzjonijiet tal-Kummissarju u r-reġistrazzjoni mill-għaqdiet volontarji.
Il-lum qed inżuru din id-dar, immexxija mill-Fondazzjoni Richmond, organizzazzjoni volontarja li taħdem ma’ dawk bi problemi mentali. Hi organizzazzjoni li qed tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies li tgħinhom jintegraw lura fil-komunità wara li jkunu ngħataw il-kura għall-problemi tagħhom.
F’dawn l-aħħar ħames snin ir-Richmond Foundation ibbenefikat b’aktar minn €1 miljun mill-Fond tal-Għaqdiet Volontarji barra minn għajnuna oħra fosthom il-Benefiċċju tal-Enerġija għall-postijiet li taħdem minnhom.
Il-voluntiera jistgħu jagħtu servizz imprezzabbli lil persuni bi problemi ta’ kundizzjonijiet mentali. Skont l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa, wieħed minn kull erba’ persuni jgħaddi minn xi forma ta’ problemi mentali, almenu darba tul ħajjithom. Għalhekk hu importanti li jkollna qafas li jiffaċilita l-involviment tal-voluntiera f’dan il-qasam importanti.
Il-Ministru ħadet l-okkażżjoni biex tirringrazzja mhux biss it-tmexxija tar-Richmond Foundation u ta’ Villa Chelsea u lill-voluntiera li jgħinuhom, iżda wkoll lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jagħmlu xogħol volontarju f’kull qasam tas-soċjetà. Il-kontribut tagħhom ma jistax jitkejjel iżda hu apprezzat ħafna minn kulħadd.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en