IŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-LUM HUMA L-IMPRENDITURI TA’ GĦADA
“Il-politika għaqlija tal-Gvern li jpoġġi x-xogħol bħala l-iprem priorità tal-ħidma tiegħu hija mifruxa fuq medda wiesgħa ta’ inizzjattivi. L-edukazzjoni għandha rwol importanti f’din l-istrateġija, u r-riżultati li jħallu skemi diretti li jħeġġu l-intrapriża fost iż-żgħażagħ jagħtu sodisfazzjon, u nkoraġġiment b’saħħtu.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi illum waqt li kien qed jindirizza it-tnedija ta’ Heritage Trail dwar l-istorja ta’ Birkirkara fuq DVD, li huwa r-riżultat ta’ proġett tal-iskema Entrepreneurship through Education imtellgħa mill-istudenti tal-Kullegg Santa Tereża.
Jason Azzopardi qal li l-ideat, l-innovazzjoni u l-enerġija taż-żgħażagħ tal-lum jistgħu jsiru l-muturi ekonomiċi ta’ pajjiżna għada. Huwa għalhekk li l-Gvern jinvesti fiż-żgħażagħ tagħna, biex jagħtihom l-għodda biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol kompetittiv, kif ukoll jitħajru jidħlu fid-dinja tal-imprenditorija.
Il-Kullegg Santa Tereża huwa wieħed mill-benefiċjarji tal-iskema Entrepreneurship through Education, li tagħti għajnuna f’forma ta’ fondi, biex skejjel kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja iniedu proġetti għall-istudenti tagħhom li jservu ta’ motivazzjoni u informazzjoni dwar id-dinja tal-imprenditorija.
Dan il-Kulleġġ żviluppa Heritage Trail fuq DVD dwar l-istorja ta’ Birkirkara. Dan id-DVD li hemm il-ħsieb li jiġi kummerċjalizzat, huwa x-xogħol ta’ 12-il student tal-Form 4 tal-kulleġġ, taħt id-direzzjoni ta’ tlett għalliema. Il-proġett kollu gawda minn €5,000 grazzi għall-iskema Entrepreneurship through Education, li marru għall-kiri ta’ tagħmir professjonali tal-filming u editing. Il-kumplament tax-xogħol sar mill-istudenti infushom, fix-xhur tas-sajf.
Is-Segretarju Parlamentari esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din l-iskema li tinsab fl-ewwel edizzjoni tagħha, qed tgawdi suċċess sabiħ u qed tiġi mħaddma f’numru ta’ kulleġġi u skejjel. 20 proġett innovattiv fi skejjel differenti gawdew mill-iskema Entrepreneurship through Education.
Din l-iskema poġġiet €100,000 f’fondi għad-dispożizzjoni tal-iskejjel Pubbliċi, Privati u tal-Knisja biex joħolqu proġetti u inizjattivi dwar l-Intraprenditorija, li minnhom it-tfal jitgħallmu iżjed dwar id-dinja tan-negozju.
Jason Azzopardi kompla li Entrepreneurship through Education hija inizjattiva li ġiet imnedija fi Frar 2011 b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, u li konkretement tikkonferma l-impenn tal-Gvern favur in-negozji żgħar u x-xogħol. B’mod konkret il-Gvern qed jissokta bl-investiment fl-intraprendituri ta’ pajjiżna.
Permezz tal-iskema Entrepreneurship through Education, il-Gvern qed iħares li jkompli jinvesti fil-qasam imprenditorjali biex iżjed żgħażagħ jitgħallmu dwar u jiksbu l-ħiliet neċessarji llum, biex jidħlu fid-dinja tan-negozju għada. L-ispirtu ta’ imprenditorija huwa l-mutur li jħaddem is-settur tan-negozju ta’ pajjiżna qal Jason Azzopardi. Entrepreneurship through Education hija investiment ieħor dirett fix-xogħol f’pajjiżna – investiment long term, li ser naraw il-frott tiegħu għada.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en