KULĦADD GĦANDU JKUN JAF X’INHU L-LIVELL TAZ-ZOKKOR FID-DEMM TIEGĦU
“Id-Dijabete hi kundizzjoni li jekk ma tkunx ikkontrollata twassal għal diversi kumplikazzjonijiet. Għalhekk m’għandniex nistennew xi kampanja biex naraw x’inhu l-livell taz-zokkor fid-demm tagħna, iżda huwa importanti li nieħdu azzjoni minnufih, u nħeġġu lil ta’ madwarna biex jagħmlu l-istess.”
Dan qalu l-Onor Joe Cassar, Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra d-Dijabete. Huwa qal li minn riċerka li saret jirriżulta li f’pajjiżna hawn 11.8 fil-mija tal-popolazzjoni adulta li għandha d-dijabete. Il-Ministru qal li għalhekk ġiet organizzata kampanja nazzjonali bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf aktar dwar id-dijabete u fl-istess waqt jagħmel it-test sabiex jara jekk għandux iz-zokkor jew le.
Kienu mijiet il-persuni li minn nhar il-Ġimgħa sa’ llum għamlu t-test taz-zokkor fl-attivitajiet li saru apposta matul dawn il-jiem. Inizjattiva oħra li ttieħdet kienet is-sehem ta’ Malta fil-Blue Monument Challenge, li involviet aktar minn 45 pajjiż li matul dawn il-jiem xegħlu monumenti u binjiet nazzjonali bil-kulur blu, il-kulur sinonimu mad-dijabete.
Il-Forti Manoel, is-Sacra Infermeria u l-Monument tal-Gwerra huma tliet postijiet li matul dawn il-jiem qed jinxtegħlu blu, f’inizjattiva li għandha l-iskop li tqajjem aktar interess fil-kundizzjoni tad-dijabete.
Il-Ministru qal li permezz tal-Kura Primarja, il-Gvern joffri diversi servizzi relatati, ilkoll intiżi biex wieħed l-ewwel nett ikun jaf x’inhi d-dijabete, jekk għandux id-dijabete u wkoll kif jieħu ħsieb din il-kundizzjoni. Joe Cassar qal li l-ġlieda kontra d-dijabete ma tistax tibda u tispiċċa mill-Ministeru tagħna. L-impenn irid ikun ġej minn kulħadd. L-istil ta’ ħajja tal-individwu tiddependi l-ewwel nett mill-individwu nnifsu imma anke minn dawk ta madwaru. Dan jinkludi x’tip ta’ ikel nieklu, kemm id-dar u anke x-xogħol, u anke kif ngħixu l-ħajja ta’ kuljum tagħna. Huwa importanti ħafna li nagħmlu check-up regolari ta’ saħħitna.
Il-Professur Stephen Fava, Kap tad-Diabetes and Endocrine Centre tal-Isptar Mater Dei qal li l-poplu Malti jiekol anqas ħaxix minn popli oħra u dan qiegħed jirrifletti fiż-żieda ta’ persuni li għandhom id-dijabete. Hu qal li l-prevenzjoni għandha aktar minn livell wieħed, b’dak primarju jkun li tiġi evitata d-dijabete imma wkoll dwar kif wieħed jgħix bid-dijabete u jevita kumplikazzjonijiet relatati.
Dwar l-ikel, Prof. Fava qal li huwa importanti li ndarru lit-tfal jieklu aktar ħaxix u li jkollhom dieta bilanċjata. Dan għaliex huwa aktar faċli li wieħed jibqa’ jiekol hekk meta jikber, filwaqt li, minkejja li mhux impossibbli, huwa aktar diffiċli li jinbidlu d-drawwiet f’eta’ avvanzata.
Il-Ministru Joe Cassar qal li jekk ma tkunx kontrollata, id-dijabete hija kundizzjoni li taffettwa l-organi kollha tal-ġisem u allura l-kumplikazzjonijiet li ġġib magħha jafu jkunu aktar gravi minn dawk ta’ kundizzjonijiet kroniċi oħra. Il-Ministru rringrazzja lil dawk l-organizzazzjonijiet li ngħaqdu f’kumitat wieħed biex iwasslu programm nazzjonali ta’ blood glucose monitoring u informazzjoni matul dawn il-tliet ijiem.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en