IL-GVERN JGĦIN BIEX KUNSILLI LOKALI U NGOS JASSORBU €17.5 MILJUN F’FONDI EWROPEJ
Fit-tliet snin li għaddew il-Gvern għen Għaqdiet Mhux Governattivi u Kunsilli Lokali jassorbu €17.5 miljun f’fondi Ewropej biex iwettqu 80 proġett jew inizjattiva differenti Dan għamlu billi pprovdilhom madwar €2 miljuni permezz tal-Fondi ta’ Ko-Finanzjament amministrati mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Dawn il-flus jagħmlu tajjeb għall-parti tal-finanzjament li jkunu jridu jinħarġu mill-Kunsilli Lokali u l-NGOs rispettivament meta jakkwistaw fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u li matulha ngħataw dettalji dwar il-proġett ‘The CAP – Constructing a Resalient Future’ li jinvolvi l-iżvilupp ta’ sistema agrikola organika u sostenibbli u t-tixrid ta’ informazzjoni dwarha. Il-proġett qed isir fil-limiti tal-Baħrija bi sħab bejn il-Permaculture Research Foundation, il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-MEUSAC. Il-finanzjament Ewropew inkiseb mid-DG Agriculture and Rural Development tal-UE u mill-Fondi ta’ Ko-Finanzjament tal-Gvern Malti.
Il-Permaculture hi tip ta’ biedja organika, żviluppata f’dawn l-aħħar 30 sena u llum tiġi pprattikata f’madwar 100 pajjiż differenti. Hi intiża biex il-bniedem jinteraġixxi f’armonija mal-pajsaġġ ta’ madwaru u fl-istes ħin jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu. Is-sistema tal-permaculture hi applikabbli għal zoni rurali u urbani, klimi differenti, u għal reġjuni ta’ daqsijiet differenti.
Peppi Gauci mill-Permaculture Research Foundation spjega li bħala parti mill-proġett qed jiġu organizzati korsijiet u workshops biex iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni urbani, jiġu f’kuntatt dirett man-natura. Isiru wkoll żjarat minn tfal tal-iskola u jingħata tagħlim dwar il-prinċipji u t-tħaddim ta’ eko-sistemi. Barra minn hekk rappreżentanti tal-Fondazzjoni qed jieħdu sehem f’diversi attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali fosthom Żejt iż-Żejtun, Notte Bianca, ir-Rabat Arts Festival u l-Fiera tal-Qargħa Ħamra fil-Manikata.
Bħala NGO, il-Permaculture Research Foundation sfruttat l-għajnuna tal-MEUSAC. Il-Kap (Desinjat) tal-Funding Unit tal-MEUSAC Alison Camilleri qalet li fis-snin li għaddew il-MEUSAC għen Kunsilli Lokali, NGOs u entitajiet oħra biex inkisbu madwar €12-il miljun għal 82 proġett differenti. Hi spjegat ukoll li bħalissa hemm diversi proġetti li ddaħħlu wara li ngħatat l-għajnuna tal-MEUSAC u li għadhom qed jiġu evalwati.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar ir-rwol tal-MEUSAC fil-kisba ta’ miljuni ta’ ewro f’finanzjament Ewropew u fisser l-impenn tal-Gvern li jkompli joffri l-għajnuna, mhux biss finanzjarja, biex entitajiet Maltin ifasslu proġetti tajbin u jakkwistaw il-finanzjament Ewropew biex jimplimentawhom. Hu appella lil aktar Kunsilli Lokali u NGOs biex jikkollaboraw aktar sabiex jakkwistaw fondi Ewropej u jagħmlu proġetti ta’ importanza b’risq il-lokalitajiet tagħhom.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Sindku tar-Rabat Alexander Craus. Hu qal li dan il-progett hu ferm importanti għall-komunita’ Rabtija minħabba l-fatt li r-Rabat hu meqjus bħala lokalita’ agrikola. ‘Qed naħdmu biex noħolqu aktar interess fl-agrikoltura u għalhekk flimkien ma’ Permaculture Research Foundation qed naħdmu fuq dawn il-korsijiet li huma intiżi li jedukaw aktar żgħażagħ fl-aspetti agrarji.’ Hu rringrazzja lil MEUSAC u lis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali għall-għajnuna tagħhom biex il-proġett seta’ jitwettaq.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en