DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, MATUL IL-LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI DWAR ID-DIRETTIVA 2009/18/EC DWAR L-UŻU SOSTENIBBLI TAL-PESTIĊIDI – GĦAWDEX – IL-Ħ
Sinjuri,
Qabel xejn nirringrazzjakom talli qed tattendu għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar ir-Regolamenti li permezz tagħhom qed issir it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi. L-għan ewlieni ta’ dan is-seminar tal-lum hu li jżid l-għarfien dwar id-Direttiva 2009/18/EC tal-Unjoni Ewropea dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi - fostkom l-NGOs, l-għaqdiet tal-produtturi, koperattivi u bdiewa.
Il-Produzzjoni ta’ frott u ħaxix hu settur importanti ħafna fil-qasam tal-agrikoltura. Minħabba li din il-produzzjoni qiegħda kontinwament tiġi affettwata minn mard u infestazzjonijiet li jikkawżaw ħsara, inkluż il-ħaxix ħażin, huwa assolutament essenzjali li l-pjanti jitħarsu minn dawn ir-riskji sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-ħsad. Wieħed mill-aktar mezzi importanti sabiex jiġu mħarsa l-pjanti u l-prodotti li ġejjin mill-pjanti u sabiex tittejjeb il-produzzjoni agrikola, huwa l-użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.
Madanakollu l-użu ta’ dawn il-prodotti jista’ joħloq riskji u perikli għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent. Għaldaqstant huwa dritt ta’ kull min hu involut f’dan il-qasam li jkun infurmat sewwa dwar dawn l-effetti, filwaqt li huwa dmir tal-Awtoritajiet li jiżguraw li l-użu ta’ dawn il-prodotti jsir b’mod għaqli sabiex jsir l-aħjar użu minn dawn il-prodotti.
B’dan il-ħsieb il-Kummissjoni Ewropea, b’diskussjoni mal-pajjiżi membri, stabbiliet qafas ta’ azzjoni komunitarja biex jintlaħaq livell ta’ użu sostenibbli tal-pestiċidi. Dawn ir-regolamenti qed jiġu implimentati fil-liġi Maltija mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li twaqqfet aktar kmieni din is-sena. L-Awtorità l-ġdida qed tkompli fejn ħalliet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Istandards (MSA) li l-lum tifforma parti minn din l-Awtorità.
Matul dan il-proċess ta’ implimentazzjoni, id-Diviżjoni dwar Regolamenti Tekniċi mwaqqfa fi ħdan din l-Awtorità ħasset il-ħtieġa li torganizza laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti. L-għan ta’ dawn il-laqgħat hu li setturi differenti fil-qasam tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jkunu infurmati b’dawn ir-Regolamenti u l-mod kif dawn is-setturi jistgħu jiġu effetwati.
B’dan il-mod filwaqt li kull min hu interessat, jiġi infurmat bl-obbligi, id-dmirijiet u d-drittijiet tiegħu, id-Diviżjoni bħal dejjem tisma’ u tevalwa s-sottomissjonijiet ta’ kulħadd waqt dan il-proċess ta’ implimentazzjoni. B’hekk inkunu nistgħu nagħmlu dak kollu possibbli sabiex jinstab bilanċ bejn il-bżonnjiet, il-limitazzjonijiet u r-realtà tas-sitwazzjoni agrikola f’Malta u f’Għawdex. Fl-istess ħin inkunu qed niżguraw li nilħqu l-obbligi tagħna bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea.
Madanakollu hu importanti li minkejja dawn il-fatturi, li lkoll għandhom rwol importanti, il-mira ewlenija u l-ewwel prijorità tibqa’ dik li nipproteġu s-saħħa tal-bniedem u li nħarsu l-ambjent.
Nagħlaq billi nirringrazzja lill-MEUSAC u lill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għall-organizzazzjoni ta’ dan is-seminar. Il-konsultazzjoni hi mill-aktar importanti fil-ħidma ta’ dawn iż-żewġ entitajiet. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-MEUSAC huwa t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u dwar Malta fl-Unjoni Ewropea. Irridu li s-setturi differenti tal-poplu Malti jkunu infurmati tajjeb dwar kif jolqtuna r-regolamenti u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm kultant nistgħu narawhom bħala piż, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea mħaddmin tajjeb ifissru investiment f’pajjiżna, opportunitajiet ta’ xogħol, drittijiet għall-konsumaturi u standards ambjentali għolja.
Grazzi tal-attendenza tagħkom.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en