BUSINESS FIRST: SERVIZZ ĊENTRALIZZAT GĦAS-SID TAN-NEGOZJU
Is-sidien ta’ negozji jew dawk li jridu jibdew negozju se jkollhom aktar minn 50 servizz tal-Gvern disponibbli taħt saqaf wieħed.
“It-twaqqif ta’ one-stop-shop għal numru kbir ta’ servizzi li jipprovdi l-Gvern hija turija ċara tal-impenn tal-Gvern favur l-intrapriża, is-sidien tan-negozji f’Malta u l-investituri barranin. Minn Jannar li ġej, is-sidien tan-negozji kollha f’pajjiżna se jkunu jistgħu jwettqu l-formalitajiet kollha li jirrigwardaw ir-relazzjoni tagħhom mal-Gvern minn post wieħed. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw id-dettalji ta’ Business First, is-servizz ċentralizzat għan-negozju li se jibda jopera mit-23 ta’ Jannar li ġej. Din hija wegħda elettorali oħra li qed titwettaq u li permezz tagħha l-Gvern ser jagħmel il-ħajja ta’ kull min imexxi negozju aktar faċli u mingħajr dewmien żejjed.”
Il-Ministru Fenech sostna li Business First għandha tkun esperjenza professjonali fejn imprenditur, żgħir jew kbir, bi żjara waħda jkun jista’ jinqeda minflok ikollu jżur numru ta’ dipartimenti tal-Gvern differenti. Is-servizz fid-dipartimenti tjieb ħafna fl-aħħar snin, iżda xorta waħda sal-lum is-sid tan-negozju għadu jitlef ammont ta’ ħin prezzjuż biex jaqdi dmirijietu f’postijiet differenti. Permezz tal-Business First, negozjant ser jiffranka l-ħin u għaldaqstant ikun jista’ jiddedika aktar ħin fuq it-tmexxija tan-negozju tiegħu.
Tonio Fenech spjega li kull min irid jibda negozju ħafna drabi jsib xkiel żejjed għaliex ma jkunx infurmat biżżejjed x’passi għandu jieħu. Business First ser ikun qed jindirizza dan il-bżonn, peress li ser tingħata informazzjoni dettaljata dwar kif jista’ jitwaqqaf negozju filwaqt li sid ta’ negozju ġdid ser ikun mgħejun jimla l-formalitajiet neċessarji sabiex japplika għall-permessi jew is-servizzi li hemm bżonn. Fost oħrajn, l-imprenditur se jkun jista’ jirreġistra l-kumpanija, japplika għall-VAT, japplika għad-dawl u l-ilma, jikseb l-awtorizzazzjoni biex jimpjega l-ħaddiema u japplika għal-liċenzji tan-negozju minn dan il-post.
Il-Ministru Fenech spjega kif l-investiment barrani se jingħata importanza kbira fil-Business First. Filfatt, fost is-servizzi li dan se joffri se jkun hemm servizzi marbuta mal-applikazzjonijiet għal VISA, liċenzji għall-impjiegi, permessi ta’ residenza u twaqqif ta’ kumpaniji. Dan huwa ta’ importanza kbira għaliex fost il-kriterji li l-investituri barranin iħarsu meta jevalwaw fejn se jinvestu hemm proprju l-faċilità li jitwettqu ċertu transazzjonijiet mal-Gvern. B’dan il-mod, Business First se jfisser li pajjiżna ser itejjeb ir-reputazzjoni li diġà għandu f’dak li għandu x’jaqsam mal-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. Dan huwa kruċjali għaliex huwa komponent importanti fil-kejl tal-kompetittività tal-pajjiż kif imkejjel minn aġenziji internazzjonali.
Il-one-stop-shop se jkun ta’ importanza partikolari għall-35,000 intrapriża żgħira u medja f’Malta. Se jkun ukoll għodda li jagħmel minn Malta pajjiż aktar attraenti għall-investiment barrani għaliex imprendituri barranin se jkunu jistgħu japplikaw għall-permessi kollha taħt saqaf wieħed u fl-inqas żmien possibbli. Il-Ministru spjega wkoll li filwaqt li l-Unjoni Ewropea teżiġi Point of Single Contact għan-negozju, il-Gvern qed imur pass oltre minn hekk u mhux biss qed joffri l-permess u l-liċenzji taħt saqaf wieħed iżda wkoll assistenza u informazzjoni dwar l-għajnuna u l-iskemi differenti li toffri l-Malta Enterprise lin-negozji.
Huwa fakkar kif f’din il-leġislatura sar ħafna xogħol favur dawn in-negozji, u fakkar fin-numru ta’ skemi li nħadmu speċifikament għan-negozji żgħar. Fost oħrajn, fl-aħħar xhur madwar 570 sid ta’ negozju gawdew bejniethom minn aktar minn €35 miljun f’għajnuniet ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fosthom biex jespandu n-negozju tagħhom barra minn xtutna, jinvestu fi proċessi ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, jew biex jieħdu inizjattivi favur l-ambjent jew iżidu l-użu tal-enerġija nadifa. Permezz tal-MicroInvest, qed jiġu mgħejuna aktar minn 700 intrapriża micro li bejniethom investew mat-13-il miljun Ewro u ħolqu madwar 200 impjieg. Madwar terz tal-applikanti ġejjin minn Għawdex.
Waqt preżentazzjoni dwar is-servizz ta’ Business First, iċ-Chairman ta’ Malta Enterprise Alan Camilleri spjega li l-Malta Enterprise ffirmat Service Level Agreements ma’ 19-il entità u dipartiment tal-Gvern. Minn Jannar, se tkun qed toffri aktar minn 50 servizz taħt saqaf wieħed fi żmien stabbilit minn qabel u li fil-maġġoranza tal-każi għandu jkun sa għaxart (10) ijiem.
Il-Malta Enterprise riċentement ikkummissjonat stħarriġ fost madwar 200 intrapriża li joperaw f’firxa wiesgħa ta’ setturi biex tara liema huma l-aktar servizzi li n-negozji ż-żgħar jixtiequ jinqdew għalihom minn post wieħed u b’hekk taċċerta li s-servizz ikun jaqdi dawn il-ħtiġiet. Fost ta’ quddiem fl-istħarriġ irriżultaw servizzi marbuta mad-Dipartiment tal-VAT, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni u l-Enemalta.
“Hemm bżonn madankollu li s-servizz tal-Business First ikun ta’ kwalità u li jilħaq l-aspettativi ta’ min jużah. Għaldaqstant, il-Malta Enterprise ser tkun qed tniedi stħarriġ kontinwu dwar l-esperjenza tal-klijenti ta’ Business First, kif ukoll tippubblika scoreboard dwar kif id-dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern ser ikunu qed iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom hekk kif stabbilit fis-Service Level Agreements. Dan ser nagħmluh għaliex nemmnu li fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern irid jaċċerta ruħu li s-servizz huwa ta’ kwalità u li jilħaq l-aspettativi ta’ dawk li jużawh,” qal Alan Camilleri.
Mal-ftuħ tal-Business First se jitnieda ukoll servizz ta’ informazzjoni bit-telefon fuq in-numru 144, filwaqt li eventwalment il-pass li jmiss ikun li dawn is-servizzi jkunu disponibbli b’mod elettroniku mis-sit www.businessfirst.com.mt
Il-Business First se jkun qed jopera mill-faċilitajiet il-ġodda tal-Malta Enterprise f’dak li kien l-Institute of Health Care fil-kumpless ta’ San Luqa, u eventwalment minn żewġ uffiċċji oħra wieħed f’Għawdex u l-ieħor fi Smart City Malta. Aktar informazzjoni se tkun qed tingħata waqt kampanja ta’ informazzjoni li se titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt il-Konferenza tal-aħbarijiet kien preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en