16-IL BIĊĊA ART PUBBLIKA, B’VALUR TA’ ŻEWĠ MILJUN EWRO, TGĦADDI GĦAND 13-IL GĦAQDA SPORTIVA
Hibernians FC kienu fost 13-il għaqda li nagħataw art pubblika biex ikomplu jiżviluppaw il-faċilitajiet sportivi tagħhom. L-attività kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħazagħ u Sport Clyde Puli, is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi u l-President tal-Hibernians FC, Tony Bezzina.
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli ħabbar li l-Ministeru tal-Isport ressaq quddiem il-Parlament Malti, avviż legali li permezz tiegħu l-Gvern se jkun qed jgħaddi 16-il biċċa art, lil 13-il klabb differenti bil-valur kummerċjali tagħhom jammonta għal madwar żewġ miljun ewro. Dan ifisser li l-għaqdiet sportivi llum qed igawdu minn total ta’ 124 biċċa art pubblika b’valur ta’ madwar 46 miljun Ewro.
Clyde Puli qal li dan huwa sinjal ta’ fiduċja mill-Gvern fl-għaqdiet sportivi, li bil-ħidma u l-investiment tagħhom qed jgħinu lill-Gvern jilħaq il-viżjoni tiegħu li jxerred kultura sportiva fost iż-żgħażagħ u l-familji Maltin.
Hu tenna li dan l-investiment iqiegħed responsabbiltà fuq l-għaqdiet sportivi biex l-attività sportiva tagħhom tkun attività sostennibbli. Għal dan il-għan żied is-Segretarju Parlamentari l-Gvern ukoll qiegħed jgħin lill-għaqdiet sportivi bl-iskema ta’ Turiżmu Sportiv fejn sena wara l-oħra l-Gvern qiegħed jivvota s-somma ta’ €250,000 għall-għaqdiet li jġibu kompetizzjonijiet u konferenzi sportivi internazzjonali.
Jason Azzopardi saħaq li din id-devoluzzjoni ta’ art għalhekk hija konferma tal-politika ta’ devoluzzjoni li l-Gvern iħaddem. Dan jikkonferma kemm il-Gvern jemmen fis-sussidjarjetà fit-tmexxija tal-art pubblika, u dan għax hija meqjusa bħala riżorsa tassew importanti. Permezz ta’ din id-devoluzzjoni, art vasta f’Kordin li sal-lum kienet tintuża għal skopijiet industrijali, iżda wara l-iżvilupp tal-proġett, ser tingħata użu denju, u li jixraq, u ser tkun qed toffri servizz liż-żgħażagħ u lill-isportivi.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi għalhekk esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-devoluzzjoni ta’ art, li ser tippermetti lill-Club ta’ Hibernians jiżviluppaw faċilitajiet ġodda, fosthom Court tal-Boċċi, Medical Centre Multi-purpose Stadium, li jinkludi Futsal, Swimming pool fuq barra faċilitajiet oħrajn, u dan kollu f’ambjent ta’ landscaping mill-isbaħ.
Għalhekk tal-bieraħ hija l-ikbar devoluzzjoni ta’ art li wettaq id-Dipartiment tal-Artijiet lil Club sportiv fl-aħħar tlett snin. Jason Azzopardi innota kif għal din l-art li tkejjel ftit inqas minn għaxart itmiem art, il-Gvern seta’ daħħal ċens kummercjali ta’ €50,000 fis-sena. Dan pero ma seħħx għax il-gvern iddeċieda li jgħaddi din l-art għand il-Club b’ċens issussidjat ghal ċens annwali €900. Dawn il-fondi li l-Gvern ser ikun qed jirrofta minn din l-art huma investiment dirett fiz-zgħazagħ, fl-isportivi, u fil-fibra soċjali li zgur ser igawdu permezz ta’ dan l-iżvilupp.
Fi tmiem id-diskorsi sar l-iffirmar tal-ftehim tal-għoti tal-art bejn is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi u l-President tal-Hibernians FC, Tony Bezzina, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħazagħ u Sport Clyde Puli.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en