JUM DINJI KONTRA D-DIJABETE – 14 TA’ NOVEMBRU
Mehmuża hi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità rigward il-Jum Dinji kontra d-Dijabete, 14 ta’ Novembru 2011.
Il-Pubbliku huwa mħeġġeġ jiċċekkja l-livell taz-zokkor b’xejn
Binjiet u monumenti nazzjonali jinxtegħlu blu
Id-dijabete se jkun is-suġġett prinċipali fil-kamp mediku matul il-jiem li ġejjin, hekk kif nhar it-Tnejn li ġej ser ikun il-Jum Dinji kontra d-Dijabete.
Dan il-jum għandu l-iskop li jikkontribwixxi sabiex jinfirex aktar l-għarfien dwar din il-kundizzjoni. Mill-2006 ‘l hawn, il-Federazzjoni Internazzjonali dwar id-Dijabete bdiet tuża’ ċirku blu bħala simbolu, mhux biss għal dan il-jum, imma għad-dijabete nnifisha.
L-iskop hu dak li d-dinja kollha jkollha simbolu wieħed għad-dijabete filwaqt li, b’mod partikolari matul dawn il-jiem, isiru attivitajiet informattivi li matulhom il-pubbliku jkun mistieden jagħmel eżami sempliċi li jiddetermina l-livell taz-zokkor fid-demm.
Għall-okkażjoni ta’ dan il-jum, il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qed iħabbar programm nazzjonali li matulu l-pubbliku se jkun jista’ jiċċekkja l-livell taz-zokkor fid-demm b’xejn. Dan se jsir kif ġej:
Il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru: (0800hrs – 1300hrs) mid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei
Is-Sibt 12 ta’ Novembru: (0800hrs – 1700hrs) fiċ-Ċentri tas-Saħħa
(0900hrs – 1700hrs) fil-Belt Valletta quddiem il-bini tal-Qorti (mill-assoċjazzjoni tal-istudenti tal-mediċina)
| Il-Ħadd 13 ta’ Novembru | (0800hrs – 1700hrs) fiċ-Ċentri tas-Saħħa |
| It-Tnejn 14 ta’ Novembru | (0800hrs – 1700hrs) fiċ-Ċentri tas-Saħħa u Bereġ |
Matul dawn il-jiem se jkunu qed jiġu organizzati wkoll numru ta’ attivitajiet oħra bl-iskop li tingħata aktar informazzjoni dwar id-dijabete. Fost oħrajn, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard se jorganizza laqgħat ta’ informazzjoni f’postijiet tax-xogħol, filwaqt li l-Malta Diabetes Association qed tistieden lill-pubbliku sabiex jattendi għall-konferenza bit-tema “Living With Diabetes; the way forward”. Din ser issir nhar is-Sibt 12 ta’ Novembru fil-Grand Hotel Excelsior, u se tibda fid-9 ta’ filgħodu.
Fuq inizjattiva internazzjonali, matul dawn il-jiem ħafna pajjiżi jixegħlu monumenti jew binjiet nazzjonali bil-kulur blu. Din is-sena, il-fuq minn 45 pajjiż ser jixegħlu aktar minn 350 binja jew monument nazzjonali għal din l-okkażjoni.
F’pajjiżna, bejn il-11 u s-17 ta’ Novembru, il-Forti Manoel, is-Sacra Infermeria (MCC) u l-Monument tal-Gwerra fil-Floriana se jinxtegħlu blu.
Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, filwaqt li jenfasizza l-importanza li kulħadd ikun jaf aktar dwar il-kundizzjoni tad-dijabete, jerġa’ jħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jieħu din l-opportunità u jmur jiċċekkja z-zokkor b’xejn.
Il-Ministeru jixtieq jirringrazzja lid-Dipartiment tal-Kura Primarja, l-Isptar Mater Dei, lill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete, lid-Direttorat għal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard u lill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, għall-kollaborazzjoni tagħhom sabiex jittella’ dan il-programm nazzjonali.
Nota:
F’din il-paġna ta’ hawn taħt hemm lista (aġġornata kontinwament) tal-pajjiżi li se jixegħlu xi binja jew monument storiku għal din l-okkazjoni:
http://www.idf.org/worlddiabetesday/activities/monument-challenge
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en