Left arrow Go Back

TIPIKU - ARTIĠJANAT U GASTRONOMIJA FIL-BELT KAPITALI GĦAWDXIJA

pr2129
Date Icon 07/11/2011

Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex serviet ta’ vetrina ta’ artiġjanat u gastronomija Għawdxija, hekk kif ospitat l-ewwel edizzjoni ta’ TIPIKU, avveniment organizzat mill-Ministeru għal Għawdex, li jippromwovi dak kollu li hu tipikament Għawdxi f’dawn l-oqsma speċifiċi.

L-attività bdiet filgħodu permezz ta’ wirja ħajja tal-arti, artiġjanat u ikel lokali, imżewqa b’mużika u żfin folkloristiku mis-Sinnet Folk Group. B’kollox kien hemm 12-il stall fosthom dawk taċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri. Attrazzjonijiet partikolari kienu dawk tax-xogħol tan-nases, bxiekel u newl u arti oħra.  Kmieni filgħaxija mbagħad ingħata bidu għal serata gastronomika b’ikel tradizzjonali Għawdxi u nbejjed magħmula minn għeneb imkabbar f’Għawdex, f’atmosfera divertenti permezz ta’ mużika tradizzjonali, klassika u popolari pprovduta minn Ta’ Verna Folk Music, Cordia String Quartet u The Tramps li baqgħu janimaw is-serata sa nofsillejl. B’kollox kien hemm 14-il tip ta’ nbejjed ‘Għawdxin’ u 14-il tip ta’ platti tipiċi Għawdxin li kienu jinkludu fost affarijiet oħra ravjul bil-ġbejniet, ftira biż-żejt, torot, fenek, kif ukoll imqaret u ġelat Għawdxi.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ltaqgħet mal-parteċipanti fuq l-istalls,  li kienu qed joffru l-prodotti tagħhom. Hija qalet li minbarra li tippromwovi prodotti u ikel tipiku Għawdxi, din l-attività kienet intiża wkoll li tippromwovi l-inklużjoni ta’ platti tipiċi Għawdxin fil-menus ta’ stabbilimenti tal-ikel lokali. Żiedet tgħid li l-artiġjanat u l-gastronomija huma żewġ elementi li jagħtu identità lil Għawdex u għalhekk iridu jiġu mħarsa u mgħoddija għat-tgawdija ta’ ġenerazzjonijiet futuri.

Attrazzjoni oħra marbuta ma’ dan l-avveniment kienet il-wirja ta’ 130 vettura antika fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat stess, li ġiet organizzata mill-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki. Il-Ħadd filgħodu dawn il-vetturi kienu għall-wiri wkoll fil-pjazez ewlenin tal-Munxar, in-Nadur u x-Xagħra. Fi tmiem l-attività, il-Ministru Giovanna Debono ppreżentat il-premjijiet lir-rebbieħa fil-pjazza ewlenija tan-Nadur.

TIPIKU ttellgħet mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow