IT-TURIŻMU RURALI JAGĦMEL MINN GĦAWDEX DESTINAZZJONI DISTINTA U SOSTENIBBLI
It-tema diskussa waqt konferenza li nżammet f’lukanda ewlenija f’Għawdex svolġiet dwar it-turiżmu rurali f’Għawdex u kif il-gżira tista’ tiġi ppreżentata bħala destinazzjoni distinta u sostenibbli f’dan is-settur.
Il-Konferenza ġiet imtellgħa mid-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Politika dwar l-Intrapriża fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-għan ewlieni tagħha huwa dak li d-diskussjoni tindirizza l-ħtieġa li tiġi mfassla politika dwar it-turiżmu rurali għal Għawdex. Dan ankè fl-isfond tal-viżjoni eko-Għawdex kif ukoll fiż-żmien li qed issir ir-reviżjoni tal-Politika Komuni dwar l-Agrikoltura mill-Kummissjoni Ewropea. Din kienet ukoll inizjattiva li permezz tagħha Għawdex ipparteċipa fl-attivitajiet marbuta mal-ġimgħa ddedikata lill-intrapriżi żgħar u medi.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, inawgurat il-konferenza fejn spjegat kif l-iżvilupp ta’ politka dwar turiżmu rurali tkun tfisser ukoll titjib li jiġġenera aktar xogħol u jżid l-attività ekonomika filwaqt li jħares l-identità u t-tessut soċjali ta’ Għawdex. ‘Dan huwa konformi mal-għanijiet tal-viżjoni eko-Għawdex li tfittex żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex’, żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono. Hija spjegat kif Għawdex diġa’ beda jiġi promoss bħala destinazzjoni rurali distinta bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Ministeru għal Għawdex u s-settur turistiku f’Għawdex li matul l-aħħar snin kompliet tagħti riżultati pożittivi li jsostnu din l-industrija tant importanti għal Għawdex.
Il-Konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Onor. Jason Azzopardi, Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet li spjega kif is-settur tat-turiżmu f’Għawdex kkontribwixxa għall-ekonomija tal-gżira permezz ta’ numru ta’ negozji żgħar li joffru servizzi relatati mat-turiżmu. Fakkar kif kampanji ta’ reklamar għal Għawdex taw riżultati pożittivi u ttraduċew ir-riżorsi naturali ta’ Għawdex f’investiment, attività ekonomika u opportunitajiet ta’ xogħol. Huwa kompla jispjega kif il-Gvern sostna lin-negozji ż-żgħar matul iż-żmien u din l-għajnuna hija siewja għal dawn l-operaturi u għandha sinifikat speċjali għal Għawdex fejn l-operaturi huma fil-parti l-kbira tagħhom intrapriżi żgħar.
Fid-diskors tal-għeluq is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco qal li Għawdex għandu rwol importanti fl-iżvilupp tat-turiżmu rurali. Hu ħeġġeġ li l-istakeholders, l-għaqdiet u l-pubbliku jibqgħu jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet pubblici dwar it-turiżmu u l-ambjent biex b’hekk pajjiżna jibqa’ jiżviluppa b’mod sostenibbli. Hu tkellem ukoll dwar ir-riżultati pożittivi li qed ikollu pajjiżna fil-qasam turistiku bl-aħħar statistika tal-NSO tikkonferma li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, in-numru ta’ turisti, in-nefqa tagħhom f’Malta u l-ammont ta’ ljieli li qattgħu f’pajjiżna żdiedu fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-sur Martin Bugelli, Kap tar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-sur Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, is-sur Joe Grech, President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex, kif ukoll minn żewġ kelliema barranin li tkellmu dwar esperjenzi ta’ turiżmu rurali f’Abruzzo fl-Italja u f’Auvergne fi Franza.
Saret ukoll diskussjoni li fiha pparteċipaw uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex flimkien ma’ uffiċjali minn Ministeri u entitajiet oħra. Il-parteċipanti setgħu jesperjenzaw eżempji ta’ turiżmu rurali permezz ta’ żjajjar li ġew organizzati fi tmiem il-konferenza, f’numru ta’ siti li joffru dawn il-faċilitajiet f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en