Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 3 TA’ NOVEMBRU 2011

pr2115
Date Icon 04/11/2011

Poplu li jikteb huwa poplu li jaħseb.  Poplu li jikteb huwa poplu li jemmen fil-ġejjieni u li jħoss id-dmir li jgħaddi l-esperjenzi tiegħu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajh.  Mingħajr il-kelma miktuba aħna nkunu poplu mingħajr passat, mingħajr għeruq;  mingħajr identità.  Il-ktieb jgħidilna aħna min aħna, jgħidlna xi nħossu, ifakkarna fil-ferħ tagħna, fil-weġgħat, fil-waqgħat u fil-kisbiet.  Il-ktieb huwa d-dokument tal-poplu u tal-pajjiż.

Għalhekk illum qed nerġgħu niċċelebraw il-Ktieb. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, issa ilu magħna 40 sena u llum sar avveniment mill-aktar important fil-kalendarju nazzjonali. 

Meta l-Istat jippremja l-aħjar kotba li jkunu ġew ippubblikati, mhux biss ikun qed jonora lill-kittieba u lil dawk kollha involuti fid-dinja tal-ktieb, imma jkun fuq kollox qed jirrikonoxxi u jenfasizza l-importanza tal-kelma miktuba. 

Meta wieħed iqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna, hi tassew ħaġa tal-iskantament tara kemm kotba jiġu ppubblikati ... rata ta’ kważi 400 ktieb fis-sena.  U b’sodisfazzjoni kbir ngħid li dan mhux fenomenu biss ta’ żmienna.  Sa aktar minn seklu ilu, kellna fostna ħassieba u kittieba li sa minn kmieni fehmu l-ħtieġa tal-qari, u ħadmu bla heda biex iressqu l-ktieb qrib il-poplu.  Minn ta’ quddiem nett jiġi f’moħħi l-filantropu Alfons Maria Galea, li  fl-1899 kien ħolom bl-idea tal-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien,  sensiela li matul 16-il sena sħaħ laħħqet il-150 ktieb.  Wara biss 6 snin li Alfons Maria Galea beda din l-intrapriża, kien diġà stampa mal-100,000 kopja. 

Jekk suċċess bħal dan seta’ jinkiseb fi żminijiet meta l-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, kien għadu illitterat, kemm għandna nqawwu qalbna llum, li f’din id-direzzjoni mxejna b’passi ta’ ġgant ’il quddiem?

Din is-sena qed infakkru l-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.  Dun Karm ma kitibx biss l-Innu Malti iżda hu kittieb importanti fil-qasam letterarju u l-kotba tiegħu u dwaru għadhom imfittxija sal-lum.  Fil-fatt, il-Ministeru li jien immexxi, f’din l-okkażżjoni ppublikajna ktejjeb li qassamna lit-tfal tal-iskejjel primarji kollha, b’poeżiji ta’ Dun Karm.  Għinna biex kien pubblikat ktieb ġdid dwar il-ħajja ta’ Dun Karm u permezz ta’ Kumitat li twaqqaf apposta biex ifakkar din l-okkażżjoni, ikkumissjonajna l-produzzjoni ta’ CD b’poeżiji ta’ Dun Karm immużikati minn Mro. Sammy Galea u kantati minn kantant popolari.

Sa ftit ilu x’aktarx li lkoll kellna l-impressjoni li aħna poplu li ma jaqrax.  U jkollna nammettu li meta nitqabblu ma’ ċerti pajjiżi, l-aktar dawk Skandinavi, tabilħaqq insibu li għad fadlilna ħafna x’naqdfu.  Imma s-survey nazzjonali li sar is-sena l-oħra, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, wera li 86 fil-mija tal-Maltin, jistgħu jissejħu qarrejja.  Naturalment, hawnhekk qed ninkludu wkoll dawk li jaqraw rivisti, gazzetti jew jagħmlu riċerka minn fuq l-internet.  Skont kriterji internazzjonali, dawn ukoll għandhom jitqiesu bħala qarrejja.  Iżda meta mbagħad niġu biex naraw kemm Maltin jaqraw kotba, b’dispjaċir insibu li l-persentaġġ jitbaxxa ħafna.

Jiena inħoss li dan huwa propju l-qasam fejn ilkoll flimkien jeħtieġ li naħdmu aktar.  Jeħtieġ nikkonvinċu lill-poplu, u lit-tfal qabel kollox, li l-ktieb jista’ mhux biss joffrilna informazzjoni u tagħlim, imma qabel kollox jaf joffrilna ħafna divertiment.

F’okkażjoni bħal din tal-lejla, meta qegħdin naraw din ix-xita ta’ kotba ... kotba ta’ kull ġeneru, ta’ kull livell u għal kull età, aktar inħoss il-bżonn li dawn il-kotba jaslu mhux biss għand min huwa diġà kkonvertit; mhux biss għand l-istudent u l-istudjuż, imma jaslu għand il-poplu kollu.

Illum aħna qed nippremjaw dawk il-kotba, li skont il-ġurija magħżula, jiddistingwu ruħhom għall-eċċellenza tagħhom. Iżda kif jaf kulħadd, f’kompetizzjoni bħal din jirbaħ ktieb u mhux ieħor fuq ġudizzju suġġettiv skont kif il-ktieb jolqot lil min jiġġudikah. Dan ma jfissirx li l-kotba li l-lejla m’humiex qed jingħataw premju, huma kotba inferjuri.  Fil-famuż Booker Prize tal-Ingilterra, il-kotba li ma jirbħux premju, bosta drabi jkunu l-aktar kotba li jinqraw u li jiksbu popolarità. 

Jiena minn qalbi nifraħ lir-rebbieħa kollha, kif ukoll lil kull min qed jaħdem fil-qasam tal-ktieb: lill-kittieba, illustraturi, u pubbikaturi, anki lid-distributuri u l-bejjiegħa tal-kotba ... lil dawk kollha li qegħdin jagħmlu ħilithom biex il-ktieb f’pajjiżna jsib ruħu f’kull dar.  Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, jingħata darba fis-sena, iżda kull meta naraw persuna qed taqra ktieb, ikunu qed nirċievu “premju nazzjonali” tal-akbar valur.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow