DISKORS TAL-GĦELUQ MILL-ONOR TONIO BORG, VICI PRIM MINISTRU WAQT IL-PARLAMENT TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ, ORGANIZZAT MILL-KUMISSJONI NAZZJONALI PERSUNI B’DIŻABILTÀ, KAMRA TAL-ARAZZI, IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS 3 TA’ NOVEMBRU 2011
Onorevoli Mr Speaker
Onorevoli Dr Kosa
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni
Mistiedna distinti
Sinjuri
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nkun hawn għal dan it-tmien edizzjoni tal-Parlament tal-Persuni b’Diżabilità. Parlament li jissimbolizza l-ogħla instituzzjoni ta’ pajjiżna.
Huwa sodisfazzjon bħala Malti. Malti, kburi bil-valuri li sawru dan il-poplu tagħna u li servew bħala ispirazzjoni għal politika f’dan il-qasam u oqsma oħra. Huma ukoll valuri li jigwidaw lilna bħala poplu u li jiffurmaw l-identità tagħna li hi mgħonija bil-valuri tar-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u s-solidarjetà.
Valuri li ggwidaw il-Parlament fit-tfassil tal-leġislazzjoni favur il-persuni b’diżabilità, inkluż il-liġi ‘Opportunitajiet Indaqs.’ Din il-liġi kienet l-ewwel liġi li għadda l-Parlament Malti fit-tieni millenju u kkonsolidat il-valuri tagħna. Liġi li kkonsolidat it-triq li l-pajjiż u l-poplu kien ilu li beda fejn fid-diżabilità naraw l-abilità ta’ kull persuna.
Biex inkomplu nibnu fuq dan il-pedament, Malta mistennija li tirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fiż-żmien qasir.
Dawn il-liġijiet mhumiex la l-bidu u la it-tmiem tal-ħidma tagħna bħala pajjiż. Ħdimna flimkien, Gvern, Knisja u s-soċjetà ċivili, tul is-snin mhux biss biex ħadd ma jibqa` lura imma biex kullħadd javvanza ’il quddiem. F’dan is-sens kien hemm żewġ avvenimenti f’pajjiżna li mmarkaw din il-mixja tagħna; it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza u tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.
Bħala pajjiż ma nistgħux ma nirrikonnoxxux il-ħidma tal-Knisja Maltija f’dan il-qasam li sawret l-impenn, l-imħabba u s-solidarjetà lejn il-persuni b’diżabilità. Ix-xogħol siewi ta’ Dun Mikiel Azzopardi bit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza fl-1965 fisser li f’pajjiżna għandna monument ħaj tal-valuri tagħna u tal-volontarjat. F’din is-sena ddedikata lill-volontarjat nixtieq nirrigrazzja u nuri l-apprezzament tal-Gvern lill-voluntiera kollha li jaħdmu f’dan il-qasam. Tagħmluna kburin bil-ħidma u d-dedikazzjoni tagħkom.
It-twaqqif tal-KNPD fil-1987, li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien l-ewwel President tagħha, kien pass ieħor importanti għal pajjiżna. Il-Kummissjoni kienet katalist ewlieni fil-bidla tal-mentalità li seħħet fil-poplu Malti. Din il-Kummissjoni tibqa` ċentrali fis-soċjetà tagħna anke illum il-ġurnata fejn permezz tas-servizzi li toffri aktar familji u individwi qed igawdu mill-inklussività u il-mobilità.
Aktar kmieni din is-sena ġie inawgurat iċ-Ċentru ‘Sonia Tanti’. Ċentru li mhux biss qiegħed joffri tant servizzi imma qiegħed jiżdied ukoll mal-benefiċji li il-Kummissjoni rċieviet mill-Unjoni Ewropea. F’dawn is-seba’ snin ta’ sħubija, il-poplu kollu gawda minn investimenti u skemi l-iktar il-persuni b’diżabilità. Nixtieq nifraħ lill-Kummissjoni tal-impenn u d-dedikazzjoni li qed turi biex aktar persuni jgawdu mill-benefiċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Dan iċ-ċentru sar ħolqa oħra fil-katina ta’ inizjattivi li ttieħdu biex tiżdied l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà.
Mr Speaker
L-inklużjoni hi parti integrali mill-politika tagħna. Ma rridux li l-persuna b’diżabilità tinbidel għas-soċjetà, imma hemm bżonn li s-soċjetà tinbidel għal persuna b’diżabilità. Irridu soċjetà inklussiva.
Nemmnu li l-inklużjoni tinkludi il-mobiltà, l-aċċessibiltà u l-edukazzjoni. Huma dawn it-tliet ingredjenti flimkien li jwasslu għall-integrazzjoni sħiħa ta’ persuna fis-soċjetà. U huma dawn, it-tlett pilastri tal-politika tal-Gvern.
L-aċċessibilità hija dover li is-soċjetà għandha lejn il-persuni b’diżabilità. U għalhekk li qed ngħinu aktar nies jinvestu fid-djar tagħhom biex isiru aktar aċċessibli. F’dawn l-aħħar tliet snin investejna f’aktar minn miljun ewro biex 270 persuna b’diżabilità jew qraba tagħhom jinvestu fid-dar tagħhom. Ħriġna numru ta’ skemi għal-Kunsilli Lokali biex huma ukoll jżiedu l-aċċessibilità u il-MEPA qiegħda teżiġi li postijiet ikunu aċċessibli.
Il-mobilità tikkumplimenta l-aċċessibilità. Irridu aktar persuni b’diżabilità ikollhom ħajja indipendenti fejn huma ukoll jistgħu joħorġu bla xkiel u jgħixu il-ħajja tagħhom. Qed tingħata eżenzjoni mill-ħlas tal-liċenzja tat-triq kif ukoll mill-ħlas tat-taxxa tar-reġistrazzjoni, fuq vetturi għal persuni b’diżabilità. Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena aktar minn 140 persuna ngħataw eżenzjoni biex ma jħallsux il-liċenzja tat-triq filwaqt li mal-130 persuna, fl-istess perjodu, ġew eżentati milli jħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-karozza tagħhom. Din l-iskema għalina mhix miżura fiskali. Tmur lil hinn minnha. Għalina hija miżura li permezz tagħha persuna qed takkwista aktar mobilità u għalhekk għandha kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-politika tagħna hija bbażata fuq id-dinjità tal-persuna u li il-bniedem huwa iċ-ċentru u ir-raġuni għall-iżvilupp. Għalhekk nemmnu tant fl-edukazzjoni. Irridu li kullħadd jilħaq il-milja tiegħu tkun xi tkun l-abilità tiegħu. Ħdimna u investejna għall-edukazzjoni għal kullħadd. Fl-1994 introduċejna il-politika ta’ inkluzjoni fl-iskejjel statali kollha. Ħassejna l-bżonn li nkomplu ninvestu fl-iskejjel speċjali u fl-2010 għamilna riforma fejn issa dawn l-iskejjel nbidlu f’Ċentri ta’ Riżorsa Edukattiva. F’Settembru fetħu l-bibien tagħhom 4 ċentri u qed jilqgħu fihom aktar minn 200 student. Komplejna ninvestu f’aktar apparat teknoloġiku. Din ir-riforma hija ħolqa waħda biss f’sensiela ta’ riformi oħra fosthom itt-transizzjoni mill-iskejjel primarji għal dawk sekondarji, il-kurrikulu Nazzjonali u il-politika u l-istrateġija għall-kisba ta’ ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni. Barra minn hekk, waqqafna “Learning Support Zones” f’numru ta’ skejjel sekondarji u “Nurture Groups” f’numru ta’ skejjel primarji sabiex inkomplu nsaħħu is-servizzi edukattivi. Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li il-Kummissjoni Ewropea tpoġġi lil-Malta fuq quddiem nett fl-inklużjoni ta’ studenti li għandhom bżonnijiet speċjali fl-iskejjel.
Ninvestu għax nemmnu. Nemmnu fil-potenzjal ta’ kullħadd. L-Università qiegħda tinvesti hi ukoll filwaqt li l-MCAST qed jilqa` aktar studenti li jridu ikomplu jistudjaw.
Ix-xogħol jorbot mal-edukazzjoni. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li ix-xogħol jagħti dinjità lill-persuna mhux l-anqas għal persuni b’diżabilità. Flimkien mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u it-Taħriġ, qegħdin ninvestu fi programmi ta’ taħriġ u “employability”. Illum hemm aktar minn 900 persuni b’diżabilità li huma reġistrat li qed jaħdmu full-time u aktar minn 200 li jaħdmu “part-time”. Qed noffru diversi skemi li jinċentivaw lil dawk li jħaddmu sabiex joffru opportunitajiet ta’ impjieg lil persuni b’diżabilità. L-intrapriża soċjali “Empower” hija ukoll pass ieħor importanti fit-triq tagħna li nkompli nintegraw aktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Bħalissa ukoll qed isir programm mill-Fondazzjoni għal-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, ME2, fejn aktar minn 400 persuna b’diżabilità qed jibbenefikaw minn taħriġ u minn esperjenzi ta’ xogħol. Ingħataw aktar minn 11,400 siegħa ta’ taħriġ.
Il-politika tal-Gvern hi li naħdmu b’ħilitna kollha biex il-persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità – mal-familja tagħhom u kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti. B’dan l-għan l-Aġenzija Sapport toffri servizzi ta’ sapport fil-Komunità li jinkludu assistenza personali, interventi soċjali, servizzi ta’ riżorsi u servizzi ta’ ħidma soċjali. Permezz tas-Servizz fil-Komunità, l-Aġenzija tilħaq mal-105 persuna b’total ta’ 600 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa. L-Aġenzija tmexxi s-Servizzi ta’ Matul il-Jum li bħalissa qegħdin jingħataw minn 9 ċentri mifruxin madwar Malta.
Madanakollu nagħrfu li jkun hemm żmien u jkun hemm ċirkostanzi fejn persuna b’diżabilità ma tkunx tista’ tgħix aktar mal-familja tagħha jew għal rasha. Nagħarfu l-inkwiet u tħassib tal-ġenituri fuq il-futur ta’ uliedhom.
Għalhekk il-Gvern qiegħed jinvesti fis-servizzi residenzjali. Nagħtu kull għajnuna possibbli lid-Dar tal-Providenza filwaqt li l-Awtorità tad-Djar qegħda tassisti bosta għaqdiet volontarji li jipprovdu servizzi ta’ akkomodazzjoni lil persuni b’diżabilità. Il-Gvern permezz tal-aġenzija Sapport jagħti servizzi residenzjali fi djar fil-Fgura, Ħal Kirkop, Wied il-Għajn, Bormla u l-Imtarfa kif ukoll jamministra postijiet residenzjali f'Dar l-Arka, Għajnsielem, u f’Dar Pirotta, Birkirkara.
Mr Speaker
L-iżvilupp ta’ pajjiżna ma jitkejjilx biss bl-iżvilupp ekonomiku. Dawn iż-żminijiet ta’ kriżi mondjali li qed ngħixu ifakkruna li l-għan aħħari jibqa` l-iżvilupp tal-persuna. Jekk il-bniedem ma jkunx fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u soċjali, l-iżvilupp ma jkunx fih għan aħħari.
Nemmnu fil-valur tal-persuna, bl-iżvilupp sħiħ tal-persuna fejn jilħaq il-potenzjal u l-milja tiegħu. Nemmnu fl-abilitajiet ta’ kullħadd.
Għalhekk intenni f’din is-seduta li rridu nkomplu naħdmu flimkien - Gvern, Oppożizzjoni, Knisja u soċjetà ċivili - sabiex Malta tkun soċjetà aktar inklussiva, fejn ħadd ma jibqa’ lura u fejn il-persuni b’diżabilità jagħtu l-kontribut kollu tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en