STQARRIJA KONGUNTA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GHAT-TURIZMU, L-AMBJENT U L-KULTURA U L-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
L-Oppożizzjoni tagħmel logħba partiġġjana minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika
Proċess ta’ konsultazzjoni huwa fl-interess pubbliku. Hija ħasra li għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed toħloq dubji mibnija fuq premessi zbaljati u b’dan il-mod qed tipprova tiskredita proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li hu fl-interess tal-istess pubbliku. L-Oppożizzjoni kompliet bir-retorika tagħha kontra l-estensjoni tal-Power Station minkejja d-dikjarazzjonijiet ċari u tondi mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-Awditur Ġenerali li l-proġett qed isir skont l-aqwa standards ambjentali Ewropej.
L-estensjoni tal-Power Station, li mingħajrha pajjizna ma jkunx jista’ jkompli jiġbed l-investiment u joħloq ix-xogħol, qed tiġi finanzjata fil-parti l-kbira mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li jimponi regoli u standards stretti fil-proġetti li japprova l-għajnuna għalihom. Malta hi u se tibqa’ konformi mar-regolamenti mill-aktar stretti fil-qasam ambjentali. It-titjib tal-kwalità tal-arja se jkun possibbli wkoll gћaliex se tintuża teknoloġija li tibdel l-emissjonijiet li jiġu prodotti fi skart li jinqabad u jiġi esportat barra minn Malta.
L-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara hi awtorizzata bil-permess tal-izvilupp tal-MEPA. Il-Bord tal-MEPA, fl-20 ta’ Mejju 2009 kien approva l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-estensjoni ta’ 144 MW ghall-Power Station ta’ Delimara u kien stabilixxa li l-għoli biss taċ-ċumnija għandu jiġi deċiż bħala parti mill-permess tal-IPPC (Integrated Pollution Prevention and Control). Dan hupermessli jirregola l-operat tal-impjant. Il-kriterji tal-permess tal-IPPC huma determinati minn regoli tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa l-għoli taċ-ċumnija li jrid jiġi stabbilit u mhux jekk ikunx hemm ċumnija jew le.Fl-24 ta‘ Awissu 2011, il-MEPA nediet il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika għall-applikazzjoni tal-permess tal-IPPC. Din il-konsultazzjoni hija fl-interess pubbliku imma għall-Oppożizzjoni dan il-proċess huwa opportunità għal-logħba partiġġjana. Hija ħasra li l-Oppożizzjoni qed tipprova xxejjen proċess ta’ konsultazzjoni pubblika permezz ta’ stqarrijiet li jippruvaw jiskreditaw il-proċess.
Il-permess tal-IPPC jassigura li l-Power Station ta’ Delimara topera skont id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll li l-immaniggjar ambjentali ta’ tali installazzjoni jkun sodisfaċenti.Dan huwa proġett li se jippermetti li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament u jissaħħaħ soċjalment. Mingħajr dan l-investiment li l-Oppożizzjoni tant tixtieq ixekkel, pajjiżna ma jkollux garanzija ta’ provvista kontinwa u sikura tal-elettriku lill-familji tagħna għall-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum u lanqas lill-investituri Maltin u barranin li jixtiequ jespandu n-negozju tagħhom u joħolqu x-xogħol.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li jħares l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin u li jħeġġeġ mhux inaffar il-konsultazzjoni pubblika.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en