JITLESTEW NUMRU TA’ TOROQ RESIDENZJALI F’SAN PAWL IL-BAĦAR
Il-proġett tal-promenade lest u se jkun inawgurat fil-jiem li ġejjin
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar daħal f’fażi interessanti ta’ ħidma fuq diversi proġetti infrastrutturali. Dawn jinkludu xogħlijiet fuq toroq residenzjali li l-biċċa l-kbira minnhom qed isiru bl-għajnuna diretta tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Kunsilli Lokali; u l-proġett tal-promenade li sar b’investiment ta’ €1.8 miljun u li sar bi sħab mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said u mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea waqt żjara fil-lokalità.
Waqt iż-żjara kien spjegat li fix-xhur li għaddew il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar lesta tmien toroq: Triq il-Lixka, Triq ix-Xolfa, Triq il-Laċċi, Triq id-Dolmen, Triq il-Kavalli, Triq l-Imsell, Triq il-Lampuki u Triq Patri Feliċ Sammut.
Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Triq ir-Ramel u Triq San Ġorġ. It-toroq qed jinqalgħu mill-qiegħ, qed jinbidlu s-servizzi fosthom id-drenaġġ u l-ilma, u t-triq qed tinbena mill-ġdid. Ladarba jitlestew dawn iż-żewġ toroq, jibda x-xogħol fuq numru ta’ toroq oħra li kollha se jkunu qed isiru bl-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari b’investiment ta’ €1.3 miljun.
Sadanittant il-proġett tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar bejn l-iskola primarja u l-Kappella ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ tlesta u mistenni jkun inawgurat fil-jiem li ġejjin. Bħala parti mill-proġett ingħata t-tarmak fi Triq San Franġisk u Triq San Ġeraldu, saru bankini ġodda, kienet installata gallarija bl-injam, bankijiet u dwal ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar li f’dawn l-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra irduppjat biex issa qabżet il-21,000. Fejn sa ftit tas-snin ilu Buġibba u l-Qawra kienu primarjament lokalitajiet ta’ villeġġjatura, ħafna mir-residenzi u l-appartamenti llum huma okkupati permanentement matul is-sena kollha. Barra minn hekk fix-xhur tas-sajf il-popolazzjoni taqbeż is-60,000 minħabba l-ammont kbir ta’ turisti li jimlew il-lukandi u residenzi oħra fil-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan kollu jġib pressjoni kbira fuq ir-riżorsi tal-lokalità u pressjoni akbar fuq il-Kunsill Lokali li jrid jaħdem aktar biex ilaħħaq mal-aspettattivi tar-residenti u ta’ dawk li jżuru l-lokalità. Minkejja d-diffikultajiet kollha, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed jaħdem u qed jagħti r-riżultati kif jixhed ix-xogħol infrastrutturali u inizjattivi oħra li qed jittieħdu.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en