211-IL PERSUNA LI JIRREĠISTRAW GĦAX-XOGĦOL INVOLUTI F’ĦIDMA SIEWJA B’RISQ IL-KOMUNITA’
Jitħallsu sa 75 fil-mija tal-paga minima nazzjonali
L-iskema Xogħol fil-Komunita’ (Community Work Scheme) imħaddma mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) qed tkun suċċess tant li n-numru tal-parteċipanti żdied għal 211. Dawn qed jaħdmu f’47 Kunsill Lokali u f’21 NGO differenti madwar il-gżejjer Maltin.
L-iskema tħabbret mill-Gvern fil-Budget xi snin ilu u oriġinarjament kienet indirizzata lil persuni li ilhom jirreġistraw mill-anqas ħames snin. Madanakollu tant kienet suċċess li fil-Budget 2011 tħabbar li din l-iskema ġiet estiża wkoll għal dawk il-persuni li jkunu ilhom jirreġistraw għal sitt xhur u aktar.
Permezz tagħha l-parteċipanti jingħataw il-possibilita’ li jaħdmu fil-komunita’ għal 30 siegħa fil-ġimgħa. Għal dan ix-xogħol huma jingħataw ħlas ekwivalenti għal 75 fil-mija tal-paga minima nazzjonali, liema ħlas jinkludi l-benefiċċju tal-qgħad. Filwaqt li jkunu qed jipparteċipaw f’din l-iskema, dawn xorta jibqgħu jirreġistraw u jfittxu xogħol permanenti. Jieqfu minnha kemm-il darba jsibu impjieg li jieħu priorita’ fuq l-iskema.
Id-dettalji ngħataw waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said għamel fil-Kunsill Lokali ta’ Bormla fejn bħalissa hemm seba’ parteċipanti li qed jagħmlu ħidma siewja fil-komunita’ Bormliża permezz ta’ din l-iskema. Hu kien akkumpanjat mill-General Manager tal-ETC Felix Borg, mill-uffiċjal responsabbli mill-iskema is-Sur Vincent Azzopardi, u mis-Sindku ta’ Bormla is-Sur Joseph Scerri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-iskema Xogħol fil-Komunita’ ġabet bilanċ bejn min jaħdem u jħallas it-taxxa u min jirreġistra u jieħu l-benefiċċji soċjali. Minbarra li qed jikkontribwixxu b’ħidma produttiva għall-bqija tal-komunita’, il-parteċipanti qed jingħataw il-possibilita’ li jibqgħu attivi minkejja li m’għandhomx impjieg fiss. Dan jgħinhom anki fuq livell personali. Ix-xogħol li jingħata lill-parteċipanti ivarja minn xogħol klerikali għal xogħol manwali skont il-ħiliet tagħhom u l-bżonnijiet li jkollhom l-entitajiet li jibbenefikaw.
Is-seba’ ħaddiema li kienu assenjati lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla qed jimmanifatturaw u jistallaw railings, street barriers ornamentali u bollards; jieħdu ħsieb il-latrina pubblika; u jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq binjiet pubbliċi, bankini u toroq. Dan kollu skont kif meħtieġ u taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tal-Kunsill Lokali.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en