Left arrow Go Back

EDIZZJONI OĦRA TAL-ATTIVITÀ 3D F’SAN LAWRENZ

pr1587
Date Icon 25/08/2011

It-tielet edizzjoni tal-attività 3D, avveniment li jiġi organizzat kull sentejn mill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u li jiġbed lejh mijiet ta’ nies minn kull rokna tal-gżira kif ukoll għadd ta’ Maltin u turisti, ser jittella’ nhar is-Sibt 10 ta’ Settembru fil-pjazza ewlenija tar-raħal.

Id-dettalji dwar din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, l-Onor. Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, u mis-Sur Noel Formosa, Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz.

Din l-attività li ser tkun ibbażata fuq il-volontarjat kif ukoll dwar kif il-folklor huwa parti integrali mit-tessut tal-ħajja tal-Għawdxin ser tkun tikkonsisti f’kunċert u konferenza internazzjonali. Il-parteċipanti ewlenin huma ż-żewġ gruppi popolari ta’ In-Nafra u l-Big Band Brothers. Għal dan l-avveniment ser jattendu wkoll delegazzjonijiet mill-Italja u minn Franza. Matul din il-lejla sajfija, il-pjazza ewlenija ta’ San Lawrenz ser tiġi trasformata f’teatru miftuħ li minbarra l-ispettaklu mill-aqwa li ser jiġi ppreżentat, ser ikun qed joffri wkoll ikel tradizzjonali.

L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u qalet li din l-attività ser tkun ta’ valur miżjud għal dawk kollha li jżuru l-gżira ta’ Għawdex filwaqt li temmen li għal darb’oħra dan ser ikun avveniment suċċess li ser jattira lejn Għawdex diversi Maltin u turisti. Il-Ministru għal Għawdex uriet sodisfazzjon dwar il-fatt li t-tema magħżula hija dik tal-volontarjat  u fakkret li hekk kif din is-sena hija ddedikata għal volontarjat, il-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ skema ta’ eko-Għawdex, qed jagħti għajnuna lil 37 organizzazzjoni mhux governattiva li bejniethom ser jibbenefikaw minn €1.24 miljun biex iwettqu 38 proġett.

L-Onor. Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali San Lawrenz li ilu għal diversi snin jieħu diversi inizjattivi b’finanzjament Ewropew. Hu enfasizza r-rwol tal-Kunsilli Lokali li jistgħu jgħinu biex isaħħu n-niċċa tat-turiżmu ta’ konferenzi internazzjonali fil-gżira Għawdxija. Hekk qed jagħmel il-Kunsill Lokali San Lawrenz u hekk għamlu numru ta’ Kunsilli Lokali oħra. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said appella biex aktar Kunsilli Lokali jaħtfu l-opportunitajiet li jeżistu fl-UE sabiex tissaħħaħ din in-niċċa. Hu semma wkoll li f’qasir żmien mistenni jibda l-proġett tal-pjazza u s-sqaqien kollha ta’ San Lawrenz li se jkun ko-finanzjat bil-Pjan ta’ Żvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea - Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – Miżuri 313 u 323.  Hu rringrazzja wkoll lill-MEUSAC li fix-xhur li għaddew għen ħames lokalitajiet Għawdxin biex bejniethom akkwistaw €2.3 miljun mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali.

L-attività 3D qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz b’għajnuna finanzjarja mill-programm tal-Unjoni Ewropea L-Ewropa għaċ-Ċittadini u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, u tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow