L-EWWEL EDIZZJONI TAL-GOZO WATERPOLO CUP SE SSIR NHAR IL-ĦADD LI ĠEJ
Bil-għan li l-isport f’Għawdex ikompli jissaħħaħ u tkompli tiġi diversifikata n-niċċa tat-turiżmu sportiv, matul il-jum tal-Ħadd li ġej se tintlagħab għall-ewwel darba l-Gozo Waterpolo Cup fil-pitch tal-klabb Għawdxi Otters Nivea f’Marsalforn.
Din il-kompetizzjoni se ssir bl-inizzjattiva ta’ Otters Nivea u s-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika u fiha se jieħdu sehem it-timijiet ta’ taħt il-21 sena ta’ Otters Nivea, 3CX Exiles u Sirens Ritter Sport. Kull tim se jkollu plejer barrani mingħajr limitu fuq l-età.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’Għawdex hemm talent sportiv iżda biex dan joħroġ aktar fil-beraħ hemm bżonn li mhux biss tissaħħaħ l-infrastruttura sportiva, iżda wkoll ikun hemm aktar opportunitajiet biex plejers Għawdxin fi kwalunkwe dixxiplina jikkompetu regolarment f’livell għoli.
F’kummenti li ta qabel il-kompetizzjoni huwa faħħar il-klabb ta’ Otters li għal snin twal u b’sagrifiċċju kbir, għelbu l-ostakli kollha biex baqgħu jikkompetu fil-kampjonat Malti f’diversi kategoriji. Is-sagrifiċċju llum qed jagħti l-frott u bil-mod ‘il mod ir-riżultati qed jiġu. Dan mhux biss ċertifikat tax-xogħol li għamlu u qed jagħmlu dawk kollha involuti fil-klabb iżda wkoll prova li t-talent Għawdxi qiegħed hemm lest biex jiġi massimizzat.
Għal din is-sena t-tournament se jsir fuq bażi ta’ plejers taħt il-21 sena iżda l-ħsieb hu li l-Gozo Waterpolo Cup tikber u mis-sena d-dieħla tibda ssir anki fuq il-livell tal-kbar. Il-Gozo Waterpolo Cup se timxi fuq l-istess binarji tal-Gozo Cup tal-football u dik tat-tiġrijiet taż-żwiemel li issa ħadu posthom fil-kalendarju sportiv Għawdxi.
Dan mhux importanti biss sabiex sportivi Għawdxin jikkompetu ma’ dawk Maltin u l-pubbliku sportiv Għawdxi jkollu l-opportunità jsegwi l-aqwa elementi sportivi f’Għawdex iżda wkoll biex jissaħħaħ it-turiżmu sportiv. Din hija niċċa li trid tiġi sfruttata u s-Segretarajat Parlamentari se jkompli jaħdem biex dan iseħħ.
Il-programm ta’ logħbiet huwa dan:
| 2.45pm: | Otters Nivea v 3CX Exiles |
| 4.00pm: | Sirens Ritter Sport v 3CX Exiles |
| 5.15pm: | Sirens Ritter Sport v Otters Nivea |
| 6.30pm: | Preżentazzjoni tat-Trofej mis-Segretarju Parlamentari Chris Said |
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006