STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
Il-MaltaToday tivvinta u tagħti informazzjoni ħażina
B’referenza għall-artiklu ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-MaltaToday, il-Ministeru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jinnota b’dispjaċir li s-sit ma fehemx l-istqarrija maħruġa l-bieraħ mill-Ministeru.
Fl-istqarrija il-Ministeru ħabbar li se tagħlaq l-ispiżerija li tinsab fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, u mhux iċ-Ċentru nnifsu, minħabba li issa l-persuni eliġibbli jistgħu jiġbru l-mediċini tagħhom minn xejn inqas minn 15-il spiżerija oħra mill-lokalità.
Dan ifisser li fejn qabel persuna kienet tinqeda minn post wieħed, issa tista tinqeda minn 15-il post differenti u tagħżel l-ispiżerija li trid hi. Fil-fatt, 6,400 persuna li qabel kienu jinqdew mill-Ispiżerija miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, illum kollha qed jinqdew mill-ispiżerija tal-għazla tagħhom.
B’mod mill-aktar żbaljat, il-MaltaToday interpretat dan l-avvanz fis-servizz bħala l-għeluq taċ-Ċentru tas-Saħħa.
Mhux veru li se jingħalaq iċ-Ċentru tas-Saħħa kif qalet il-MaltaToday.
Fil-fatt il-Ministeru investa fl-istess Ċentru tas-Saħħa u żied is-servizzi f’dan iċ-Ċentru fosthom servizz tal-prodotti gluten free, żieda fis-servizz tat-tabib tal-familja, kura tas-saqajn u dijabete.
Il-Ministeru jiddeplora dan ir-rappurtaġġ li joħloq allarm għal xejn b’xejn u fuq kollox b’aħbarijiet mhumiex minnhom. Il-MaltaToday setgħet faċilment tikkuntattja lill-Ministeru għal kwalunkwe kjarifiki li kellha bzonn, iżda minflok għażlet li tippubblika storja ivvintata.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006