Left arrow Go Back

TFAL JATTENDU SESSJONIJIET TA’ TAGĦLIM U DIVERTIMENT F’MARSALFORN

pr1564
Date Icon 20/08/2011

Madwar 65 tifel u tifla, li għandhom bejn it-tlieta u l-14-il sena, qed jattendu sessjonijiet ta’ tagħlim u divertiment f’ċentru anness mal-Knisja ta’ San Pawl fil-lokalità ta’ Marsalforn.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex iltaqgħet mal-koordinaturi, l-għalliema żgħażagħ u t-tfal li ta’ kuljum jiffrekwentaw dan iċ-ċentru li jinsab fil-qalba ta’ dan il-post ta’ villaġġjatura tant popolari f’Għawdex. Hija faħħret l-inizjattiva tal-koordinaturi fosthom dik tal-Kappillan ta’ Marsalforn, Dun Mikiel Borg, biex b’hekk it-tfal residenti f’Marsalforn, kif ukoll dawk li jkunu f’din il-lokalità matul ix-xhur tas-sajf ikollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Il-Ministru Debono qalet li din l-inizjattiva u oħrajn simili jwasslu biex it-tfal Għawdxin ikunu pprovduti b’ambjenti sani ‘l bogħod mid-dar, fejn jitgħallmu, jiddevertu u jissoċjalizzaw ma’ tfal oħra bħalhom ‘il bogħod mill-perikli.

Dan iċ-ċentru fetaħ fl-1 ta’ Lulju li għadda u ser jibqa’ għaddej sa nofs Settembru It-tfal li għandhom bejn it-tlieta u ħames snin jattendu għas-sessjonijiet kull nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis, filwaqt li t-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa huma ddedikati għat-tfal ta’ bejn is-sitta u l-14-il sena. 

L-erba’ għalliema ta’ dawn it-tfal, li huma kollha żgħażagħ qed jibbenefikaw mill-iskema tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (l-ETC), il-Work Trial Scheme. Permezz ta’ din l-iskema, dawn iż-żgħażagħ jaħdmu għoxrin siegħa fil-ġimgħa għal massimu ta’ tnax-il ġimgħa u jitħallsu mill-ETC.  Din l-iskema hija miftuħa għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena li m’għandhom l-ebda esperjenza fis-suq tax-xogħol jew mingħajr esperjenza fl-impjieg tal-preferenza tagħhom; gradwati u oħrajn li komplew l-istudji tagħhom u qatt ma ħadmu fil-qasam rispettiv; persuni li ilhom barra mis-suq tax-xogħol għal mill-inqas l-aħħar sena; dawk li jirreġistraw li għandhom 25 sena jew iktar u li ilhom bla xogħol għall-aħħar sitt xhur; kif ukoll nies qiegħda li jixtiequ jibdlu n-natura tal-impjieg tagħhom u li ilhom wieqfa għal dawn l-aħħar sitt xhur.

Matul ix-xhur li għaddew, it-tfal li jattendu dan iċ-ċentru attendew għall-sessjonijiet tal-fotografija, għall-korsijiet tal-ewwel għajnuna kif ukoll attivitajiet kulturali u sportivi. Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jkunu involuti f’eżerċizzju ta’ simulazzjoni f’każ meta persuna tkun qed tegħreq, kif ukoll attività li fiha jesponu t-talenti tagħhom anke quddiem udjenza li tkun tinkludi l-ġenituri tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow