Left arrow Go Back

GĦADDEJ IX-XOGĦOL FUQ IR-RESTAWR TAS-SWAR TAĊ-ĊITTADELLA

pr1559
Date Icon 19/08/2011

Wara li tul dawn l-aħħar sentejn saru l-istudji kollha meħtieġa biex wieħed jifhem aħjar il-mekkaniżmi ta’ deterjorazzjoni li qed jaffettwaw is-swar taċ-Ċittadella, minn Jannar ta’ din is-sena beda jseħħ ix-xogħol ta’ restawr fuq dan is-sit storiku importanti. 

Bħalissa, għaddej ix-xogħol fuq il-bastjun ta’ San Mikiel li jkopri l-medda tas-swar magħrufa bħala landfront bastions, jiġifieri s-swar li jħarsu lejn il-Belt tar-Rabat. Fil-ġranet li għaddew il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali l-Onor. George Pullicino flimkien mal-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, żaru l-post fejn setgħu jaraw il-progress tax-xogħlijiet li għaddejjin fuq dan is-sit.

Aspett partikolari tad-deterjorazzjoni tul is-swar taċ-Ċittadella hu dovut għat-tip ta’ ġebel li ntuża fil-bini tagħha – l-użu ta’ tip ta’ ġebla partikolari tal-qawwi, flimkien mal-proċessi naturali ta’ deterjorazzjoni, irriżulta f’li l-ġebla ttieklet b’mod partikolari li hu kemxejn differenti mit-tip ta’ deterjorazzjoni li tikkaratterizza s-swar l-oħra ta’ Malta.  Il-konsiderazzjoni ta’ dan il-fattur flimkien mal-konsiderazzjoni tal-ammont sostanzjali ta’ ġebel li hu ddeterjorat kienu l-fatturi prinċipali wara d-deċiżjonijiet ta’ liema ġebel għandu jinbidel u liema għandu jinżamm u jiġi kkonsolidat. 

Ix-xogħol ta’ restawr li qed jitwettaq fil-preżent fuq il-bastjun ta’ San Mikiel jara wkoll it-tindif tas-swar mit-tbajja’ ta’ natura bijoloġika u mix-xitel li kiber fil-fili, it-tikħil mill-ġdid tal-fili, u l-konsolidazzjoni tal-wiċċ tal-ġebla fost xogħol ieħor.

Fażi oħra ser tkun dik li twassal biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda x-xogħol fuq il-kumplament tas-swar li jħarsu lejn it-Tramuntana.  F’dan il-każ, minbarra ir-restawr fuq is-swar fihom infushom, li jinvolvi interventi simili għal dawk diġà deskritti hawn fuq, ix-xogħol ser jara wkoll il-konsolidament tal-blat li fuqu hi mibnija din il-medda ta’ swar.  Minħabba l-karatteristiċi ġeoloġiċi tiegħu dan il-blat jesebixxi diversi konsenturi li jistgħu jwasslu biex sezzjonijiet mill-blat jinqata’ minn mal-massa ċentrali u hekk jipperikola l-istabilità strutturali tas-swar li jserraħ fuqu.  L-istudji li saru tul dawn l-aħħar sentejn wasslu biex tiġi ddisinjata sistema ta’ ankoraġġ tal-blat instabbli, liema sistema ser tiġi implimentata fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru Pullicino saħaq li dan il-proġett li hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja ser iwassal biex sal-2013 jiġi rrestawrat kilometru ta’ swar li fuqu hi mibnija ċ-Ċittadella.  Huwa qal li f’dan il-proġett ta’ restawr li qed isir kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta wieħed irid japprezza mhux biss is-sbuħija tad-dehra oriġinali li qed terġa tispikka b’riżultat ta’ dan il-proġett, iżda, aktar minn hekk wieħed irid japprezza li qed isir xogħol ta’ konsolidament tas-swar għax partijiet minnu jinsabu f’periklu li jaqgħu.

Il-Ministru Debono sostniet li dan il-proġett qed ikompli jagħti attenzjoni mistħoqqa biex dan is-sit storiku jiġi kkonservat bl-aħjar mod.  Hija fissret kif matul is-snin saru diversi xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr f’diversi żoni taċ-Ċittadella li l-qofol tagħhom intlaħaq ukoll permezz ta’ proġett ieħor finanzjat mill-Mekkaniżmi Finanzjarji tal-Komunità Ekonomika Ewropea (EEA Finacial Mechanisms) li permezz tiegħu ġew individwati l-aħjar modi ta’ kif jista’ jitmexxa u jiġi kkonservat dan is-sit storiku ta’ importanza unika. ‘Dan l-istudju qed ukoll jagħti opportunitaijiet ġodda biex ikunu jistgħu jinkisbu fondi oħra minn programmi finanzjarji Ewropej biex ikun jistgħu jitwettqu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li joħroġu minnu’, żiedet tgħid l-onor. Giovanna Debono.

Intant ix-xogħol li qed isir fuq is-Swar taċ-Ċittadella f’Għawdex għandu investiment ta’ aktar minn €3.3 miljun. Jekk wieħed iżur il-Belt, l-Imdina, il-Birgu u ċ-Ċitadella Ghawdex diġà jista jibda jara r-riżultati ta’ dan il-proġett estensiv ta’ restawr. Is-sbuħija tas-swar qed tispikka wkoll għal fatt li l-Enemalta qed tneħħi kejbils, linji u brackets mid-diversi swar partikolarment madwar il-Belt Valletta. Dawn jinkludu kemm overheads High Voltage (HV)  kif ukoll Low Voltage (LV) u kejbils għaddejjin mal-faċċata tas-swar jew tulhom. Dawn is-servizzi se jiġu mgħoddijja minn taħt l-art u ser jiġu użati rotot differenti.   Bejniethom, dawn l-erba’ proġetti tar-restawr fl-erba’ bliet imsemmija, ser jinvolvu restawr ta’ madwar 135,000 metru kwadru ta’ faċċati ta’ swar fuq tul ta’ madwar 6 km ta’ fortifikazzjonijiet, bi stima totali ta’ madwar 36 Miljun Ewro.  Dan il-proġett huwa ko-finanzjat bir-rata ta’ 85% mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ERDF (European Regional Development Fund) u 15% minn fondi nazzjonali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow