STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
F’pajjiżna tkattar l-investiment, kibret l-ekonomija, inħoloq ix-xogħol u naqas il-qgħad – L-Oppożizzjoni tipprova tostor il-kisbiet ekonomiċi ta’ pajjiżna biex tgħatti n-nuqqas ta’ strateġija tagħha
Risposta għall-Istqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Charles Mangion
Erba’ riżultati ewlenin tal-ħidma tal-Gvern matul l-aħħar sena kienu li f’pajjiżna kibret l-ekonomija, żdied l-investiment, inħoloq aktar xogħol u naqas il-qgħad. Stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonfermat li matul l-2010, l-investiment barrani f’Malta laħħaq is-792 miljun ewro, li jfisser żieda ta’ 251 miljun ewro meta mqabbel mal-2009.
Minflok tieħu pjaċir b’dawn ir-riżultati, li jfissru aktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, l-Oppożizzjoni tipprova taħbi aħbarijiet pożittivi dwar Malta u tara kif iddawwarhom fi kritika.
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali madwar id-dinja twassal biex l-investituri jaħsbuha darbtejn qabel jespandu jew iċaqilqu n-negozju tagħhom. Madankaollu l-investiment f’Malta kompla zdied b’rizultat tal-ħidma u l-istrateġija tal-Gvern.
Meta tħares lejn l-istatistika dwar it-tkabbir ekonomiku (Malta kellha tkabbir ta’ 3.2% fl-2010), joħroġ li s-sehem għat-tkabbir ngħata wkoll mil-lukandi u r-ristoranti kif ukoll il-manifattura, b’mod partikolari espansjoni fis-settur tal-elettronika u s-settur tal-għamara. 15% taż-żieda kienet dovuta għas-settur tal-manifattura. Li kieku s-settur tal-manifattura ma kibirx, żgur li pajjiżna ma kienx jirreġistra żieda mill-aktar qawwija fl-esportazzjoni, li kibret b’49% fl-ewwel 5 xhur ta’ din is-sena, minn 600 miljun ewro għal biljun ewro.
Dan kollu wassal għal tnaqqis tal-qgħad u l-ħolqien tax-xogħol, Matul l-2010 f’Malta nħolqu mas-6,000 post tax-xogħol ġdid, u l-qgħad f’pajjiżna niżel ghal 6.2% u meta nqabblu mal-pajjizi kollha tal-UE, Malta għandna l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ titkellem fuq “strateġiji” ekonomiċi li qatt għadha ma preżentat imkien, fl-okkażjonijiet li titkellem fl-ekonomija, joħroġ biċ-ċar in-nuqqas ta’ għarfien tal-fatti u kilba biss biex jiġi kritikat kull kisba li jagħmel il-pajjiż, minkejja li minn dawn il-kisbiet igawdu fl-aħħar mill-aħħar il-familji Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006