BINI TA’ ĦITAN TAS-SEJJIEĦ PERMEZZ TAL-ISKEMA TAL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Wieħed mill-ħdax-il proġett li qed jibbenefikaw mill-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex b’risq il-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi ta’ lokalitajiet Għawdxin huwa dak li għaddej bħalissa f’Marsalforn b’kordinazzjoni tal-Kumitat Amministrattiv ta’ din il-lokalità popolari. Din l-iskema qed tiġi ffinanzjata mill-fondi allokati mill-Gvern biex jiġi mwettaq il-pjan ta’azzjoni 2010-2012 marbut mal-implimentazzjoni tal-viżjoni eko-Għawdex.
Il-proġett propost mill-Kumitat Amministrattiv tal-lokalità ta’ Marsalforn jinkludi bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi rurali tal-lokalità magħrufa bħala l-Qbajjar u Triq Wied l-Infern. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, żaret is-sit fejn bħalissa beda x-xogħol fejn ġew skavati pedamenti u beda jinbena parti mill-ħajt. Minbarra li jsebbħu u jgħinu biex jinżamm l-ambjent rurali tal-gżira, dawn il-ħitan għandhom funzjoni oħra marbuta mal-konservazzjoni tal-ħamrija, li f’żona bħal din għandha riskju akbar li tintilef ġol-baħar.
Filwaqt li rringrazzjat lill-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn u lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ għall-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema, il-Ministru Giovanna Debono spjegat kif permezz ta’ proġetti simili li ser ikunu qed jitwettqu f’lokalitajiet oħrajn ser jinbnew bosta ħitan oħra filwaqt li jiġu kkonservati għadd ta’ nħawi rurali madwar il-gżira. “Dan ser ikun qed jagħmel differenza kemm fil-perspettiva kif ukoll biex jiġi kkonservat l-ambjent rurali tal-gżira li huwa karatteristika ewlenija tal-prodott turistiku Għawdxi”, qalet il-Ministru Debono. Il-Ministru għal Għawdex esprimiet ukoll sodisfazzjon għar-rispons pożittiv li bih intlaqgħet din l-iskema u li permezz tagħha tmien Kunsilli Lokali u tliet Kumitati Amministrattivi ser ikunu qed iwettqu 13-il proġett li kollha jolqtu xi waħda mill-miżuri tal-pjan ta’ azzjoni marbut mal-viżjoni eko-Għawdex. Bejniethom dawn ser ikunu qed jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja li tlaħħaq aktar minn €660,000 b’massimu ta’ €70,000 kull proġett.
Aktar proġetti li qegħdin jitwettqu minn dawn il-Kunsilli Lokali jinkludu fost l-oħrajn proġetti marbuta ma’ temi ambjentali bħal ma huma tindif tal-widien, l-użu ta’ sistemi tad-dawl li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku, kif ukoll bdil ta’ vetturi biex jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi.
Sadanittant din il-ġimgħa ġiet imnedija it-tieni sejħa ta’ din l-iskema bil-għan li dawk il-Kunsilli li ma laħqux applikaw fl-ewwel sejħa jkunu jistgħu jibbenefikaw huma wkoll minn dawn il-fondi. Barraminhekk dawk il-Kunsilli li qed jaħdmu fuq proġetti li l-ispiża tagħhom hija nferjuri għall-massimu ta’ €70,000 qed jingħataw opportunità li jibbenefikaw minn dan il-massimu permezz ta’ proġetti oħra. L-applikazzjonijiet bdew jintlaqgħu matul il-ġimgħa li għaddiet u ser jibqgħu jintlaqgħu sat-Tnejn 29 ta’ Awwissu, 2011.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006