STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN B’RISPOSTA GĦAL ALLEGAZZJONIJIET INFONDATI FIL-ĠURNAL KULLĦADD
B'referenza għal dak li deher fl-artiklu tal-ġurnal Kullħadd tal-lum għar-rigward tar-rilaxx mill-ħabs ta’ Charles Muscat magħruf bħala 'il-Pips', liema allegazzjonijiet ġew ripetuti mill-Kap tal-Oppożizzjoni dal-għodu, il-fatti huma kif ġej:
Muscat daħal il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-25 ta’ Settembru 1994 u ħareġ fil-25 ta’ Lulju 2011. Dan jiġifieri li l-eks priġunier in kwistjoni għamel perjodu ta’ 16 il-sena, 10 xhur u 7 ijiem jiskonta s-sentenza tiegħu. Dan il-perjodu jirrapprezenta żewġ terzi eżatti tal-ammont totali taż-żewġ sentenzi ta’ ħabs li kien qed jiskonta u li kienu waħda ta’ 25 sena u oħra ta’ 8 xhur. Irid jingħad li, skont ir-regolamenti tal-Ħabs tal-1995, kull ħabsi huwa ntitolat għal remissjoni ta’ terz tal-perjodu li ġie sentenzjat sakemm ikollu mġieba tajba. Fil-fatt, kull ħabsi jiġi infurmat bl-“Earliest Date of Release” li, dejjem jekk ikollu mġieba tajba, tkun tapplika fil-każ tiegħu. Is-sistema ta’ remissjoni tas-sentenza tipprovdi li meta ħabsi jkollu każijiet ta’ dixxiplina, jitnaqqaslu l-perjodu ta’ remissjoni. Però jekk sussegwentament ma jkunx hemm iżjed każijiet u l-ħabsi jġib ruħu sew tul perjodu ta’ sitt xhur, il-granet ta’ remissjoni jistgħu jintrebħu lura, b’mod sħiħ jew parzjalment.
Fil-kaz ta’ Muscat, ir-records tal-ħabs juru li l-aħħar każ ta’ dixxiplina li kellu kien f'Diċembru 2005, meta kellu riżultat pożittiv wara test tal-urina. Fuq dan il-fatt, huwa weħel diversi ġranet ta’ remissjoni. Però sa 25 xahar wara, f’Jannar 2008, Muscat kien ngħata lura dawn il-granet mitlufa għax ma kienx hemm iżjed istanzi ta’ mġieba ħażina. Għalhekk kien intitolat għall-ammont kollu dovut bħala remissjoni.
Għar-rigward ta’ kundizzjoni ta’ teħid ta’ droga, jew suspett ta’ hekk, kull ħabsi, nkluż Muscat huwa suġġett għal testijiet tal-urina u jekk ir-riżultat għalihom ikun pożittiv ikun hemm każ ta’ dixxiplina u telf ta’ granet ta’ remissjoni. Jekk il-ħabsi jirrifjuta li jissottometti ruħu għat-test jitqies daqs li kieku t-test sar u rriżulta pożittiv u allura d-dixxiplina u s-sanzjoni tiġi applikata bl-istess mod. Jigifieri ksur tar-regolamenti vis-à-vis d-droga jagħmlu parti mill-proċess komplessiv tad-dixxiplina u tal-komputazzjoni tar-remissjoni u allura jittieħed kont tagħhom bħala parti mill-proċess kollu.
Fl-aħħar nett, għar-rigward tal-każ li Muscat huwa akkużat fih dwar traffikar ta’ droga, jirriżulta li, wara li ntemmet il-kumpilazzjoni, dana kien ngħata l-libertà provvizorja fl-2003 mill-Qorti. Għalhekk dan il-każ m’għandu x’jaqsam xejn mar-rilaxx tiegħu mill-Habs wara li skonta ż-żewġ sentenzi li ngħata. Kull konnessjoni li l-artiklu msemmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jippruvaw jagħmlu bejn iż-żewġ każijiet huwa barra minn loku.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en