Left arrow Go Back

TISĦIĦ FIL-FAĊILITAJIET U FL-EFFIĊJENZA FIS-SERVIZZI TAR-RADJOLOĠIJA F’GĦAWDEX

pr1486
Date Icon 04/08/2011

Wara kważi ħames xhur minn meta ġie inawgurat uffiċċjalment id-Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, għamlet żjara qasira f’dan id-Dipartiment fejn iltaqgħet ma’ wħud mill-ħaddiema u uffiċċjali fl-amministrazzjoni tal-isptar. Il-Ministru Debono żaret il-ħames taqsimiet f’dan id-dipartiment li jinkludu Skeletal Digital X-ray unit, Digital Radiography/Fluoroscopy Unit, Ultrasound unit with colour Doppler, Direct Digital Mammography Unit u Spiral CT Scan 64-slice. Ir-riżultati minn dan l-apparat, kollha huma aċċessibli mill-Isptar Mater Dei permezz ta’ sistema elettronika li tippermetti aċċess għall-informazzjoni mill-isptarijiet rispettivi.

Kif kien mistenni t-tisħiħ fil-faċilitajiet f’dan id-dipartiment irriżulta f’żieda sostanzjali ta’ servizzi mogħtija minn apparat diġitali ġdid u modern f’ambjent rinovat li kompla għolla l-kwalità tas-servizzi li jingħataw lil pazjenti filwaqt li tejjeb ukoll l-ambjent li fih jaħdmu l-ħaddiema. It-twaqqif ta’ dan id-dipartiment ġdid ġewwa l-isptar f’Għawdex primarjament fisser li għadd ta’ pazjenti Għawdxin li qabel kienu jiġu riferuti biex jagħmlu testijiet f’Malta bdew jiġu riferuti fl-isptar f’Għawdex. Minbarra li naqqas l-inkonvenjent ta’ dawn il-pazjenti fl-iskariġġ tal-ivjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer, dan il-fattur kellu wkoll effett pożittiv minħabba li issa jista’ jingħata fi żmien relativament iqsar. Din l-effiċjenza ġiet riflessa speċjalment fin-numru ta’ CT Scans li saru bejn Jannar u Lulju li jgħodd madwar 650 test. Dan jinkludi numru ta’ pazjenti Għawdxin li kienu qed jistennew biex isirilhom CT Scan fl-Isptar Mater Dei u minflok ġew trasferiti biex it-test isir f’Għawdex.   L-uffiċċjali tal-isptar fissru kif dan l-apparat qed jiswa wkoll ta’ benefiċċju għal pazjenti Għawdxin li jattendu għal kimoterapija fl-Isptar Boffa fejn CT scans qed isiru f’Għawdex stess. Minbarra li jnaqqas il-pressjoni fuq l-isptarijiet f’Malta dan qed jirriżulta wkoll f’inqas użu tal-ambulanzi fit-trasport ta’ pazjenti lejn Malta u f’ċertu każi medja ta’ lejl anqas fl-okkupazzjoni tas-sodda ġewwa l-isptarijiet.  

Minbarra s-servizz tas-CT Scan ġew ukoll introdotti f’Għawdex is-servizzi tal-mammografija. Permezz tal-Mammography Unit, nisa Għawdxin qed jipparteċipaw fin-National Breast Screening Programme u s’issa l-medja tar-rispons f’Għawdex kien ogħla mill-medja nazzjonali. Barra minhekk din it-taqsima bdiet tintuża wkoll f’każijiet ta’ testijiet sintomatiċi.

Il-Ministru Giovanna Debono fissret sodisfazzjon għall-koperazzjoni li ntweriet min naħa tal-ħaddiema speċjalment fl-impenn li wassal biex qatt ma twaqqaf is-servizz il-qadim fiż-żmien meta kien għaddej ix-xogħol. Il-Ministru faħħret ukoll l-impenn li wrew il-ħaddiema li lkoll attendew għal sessjonijiet ta’ taħriġ ikkoordinati fuq numru ta’ ġimgħat fl-Isptar Mater Dei. Dan wassal biex illum ir-radjografi u staff tekniku ieħor huma aktar kunfidenti fl-użu ta’ dan l-apparat u dan esprimewh huma stess waqt din iż-żjara. Il-Ministru fissret kif dan huwa ta’ benefiċċju l-ewwel u qabel kollox għall-pazjenti u saħħqet dwar il-ħtieġa li dawk li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa għandhom dejjem ikunu ispirati mill-ħtieġa ta’ servizz tajjeb u kostanti f’kull eventwalità.

‘Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli bil-pjanijiet biex ikomplu jiġu ristrutturati partijiet minn dan l-isptar mingħajr ma jiġi mxekkel l-operat ta’ kuljum’, qalet l-Onor Giovanna Debono. Fost l-ewwel xogħlijiet li mistennija jibdew dalwaqt, hemm ir-ristrutturar tal-kuriduri prinċipali li se jinksew bil-madum filwaqt li se jinbidel is-saqaf u jinbidlu wkoll is-servizzi li għaddejjin taħt s-suffitt u jsir wieħed ġdid. Qed isir ukoll studju biex tiġi determinata l-vijabilità tal-installazzjoni ta’ sistema ta’ enerġija rinovabbli li taqdi l-eżiġenzi tal-isptar.

‘Il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jinvesti f’aktar titjib biex l-istruttura u s-servizzi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li issa ilu jopera għal aktar minn 35 sena,  ikomplu jiġu aġġornati biex jiġu msaħħa dejjem aktar is-servizzi tas-saħħa li jingħataw fuq il-gżira ta’ Għawdex’, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

More Press Releases Right arrow