PROĠETT INFRASTRUTTURALI QAWWI FIŻ-ŻEWWIEQA
F’dawn l-aħħar xhur f’Għawdex beda għaddej xogħol fuq proġett infrastrutturali estensiv ieħor bil-għan li l-prodott turistiku Għawdxi jibqa’ jiġi mtejjeb billi jissaħħu l-faċilitajiet turistiċi u fl-istess waqt jiżdiedu l-attrazzjonijiet li toffri l-gżira. Dan huwa l-objettiv prinċipali li fuqu ġie ppjanat il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-inħawi magħrufa bħala taż-Żewwieqa fil-port tal-Imġarr.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, żaret il-post fejn bħalissa għaddej xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni marbut mal-bini ta’ parkeġġ fit-tarf ta’ din iz-zona. Dan huwa biss wieħed mill-bosta elementi li jinkorpora dan il-proġett estensiv li ser ikun mifrux fuq medda ta’ madwar 18,000 metru kwadru u ser jinkludi fost l-oħrajn il-bini ta’ lqugħ għall-ħażna tal-ilma tax-xita. Xogħlijiet oħra ser ikunu marbuta maż-żona pedonali li tkopri l-medda tal-kosta f’dawn l-inħawi li matula se jiġu kkreati spazji speċifiċi minn fejn wieħed jista’ jieqaf u jgawdi l-veduti pittoreski tal-inħawi. Spazju partikolari ser jiġi riżervat biex tiġi esebita dik li hi l’unika dgħajsa tal-Latini li għad fadal f’Għawdex. Ser jiġu mibnija faċilitajiet sanitarji ġodda għall-użu tal-pubbliku filwaqt li se jkunu installati sistemi ta’ dwal u għamara oħra tat-triq li jikkumplimentaw ix-xogħol ta’ tisbiħ estensiv li huwa nkorporat f’dan il-proġett.
Il-Ministru għal Għawdex fissret kif minbarra li huwa ta’ importanza għal qasam turistiku dan il-proġett ser ikun qed joffri wkoll spazju pubbliku ta’ kwalità għat-tgawdija tal-pubbliku Għawdxi kollu speċjalment dawk li jħobbu jżuru dawn l-inħawi. L-Onor. Giovanna Debono kompliet tispjega kif l-objettivi marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet huma relatati wkoll mal-pjan ta’ żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex filwaqt li jikkumplimentaw ix-xogħol li diġà sar permezz tal-bini ta’ terminal ġdid u r-rikostruzzjoni tat-triq prinċipali fil-port tal-Imġarr. ‘Iż-Zewwieqa waterfront’ ser ikun ukoll ta’ kontribut fl-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-gżira ta’ Għawdex filwaqt li ser ifisser ukoll tisħieħ fil-faċilitajiet għall-istabbilimenti u operaturi oħra f’din iż-żona’, żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni fl-inħawi taż-Żewwieqa huwa stmat li ser jiswa madwar €5miljun. 85% ta’ din l-ispiża ser tkun ko-finanzjata mill-Fond għal Żvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) taħt il-Programm Operattiv 1, Politika ta’ Koeżjoni 2007 – 2013 filwaqt li l-15% l-oħra ser jintefqu minn fondi nazzjonali.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en