STĦARRIĠ U EVALWAZZJONI DWAR L-ISTRINA
Illum il-President George Abela flimkien mat-tim tal-Istrina, iltaqa' mal-kapijiet tat-tliet stazzjonijiet prinċipali, PBS, ONE u NET li dawn jikkontribwixxu f'għajnuna kemm bil-ħaddiema kif ukoll b'apparat b'xejn biex tittella' l-Istrina u ġie deċiż li l-Istrina 2011 ssir nhar it-Tnejn 26 ta' Diċembru, l-għada tal-Milied mill-Palazz tal-Verdala.
Din is-sena sar stħarriġ tal-opinjoni pubblika għall-Istrina bl-għan prinċipali jkun biex jiġi evalwat jekk l-Istrina 2011 għandhiex issir fil-Milied, li din is-sena se jkun il-Ħadd, jew l-għada, it-Tnejn. Dan il-kwestjonarju sar semistrutturat biex jagħti l-aktar tagħrif possibbli. Ittieħed kampjun każwali ta’ 500 persuna magħżula minn programm kompjuterizzat minn linji fissi tat-telefon. Għal dan l-istħarriġ ġew inkarigati Cheryl Zerafa, gradwata fl-istatistika u l-matematika u l-Psikjatra Anton Grech.
Kienu diversi mistoqsijiet li wieġbu dawk li pparteċipaw f’dan is-survey fejn l-età kienet tvarja bejn il-15 u 76 sena, b’64 fil-mija mis-sess femminil. Il-profil tal-parteċipanti kien wieħed varjat minn mara tad-dar, impjegat, self-employed, professjonista, ħaddiem tal-id u wkoll minn uħud diżokkupati.
Jirriżulta li 88 fil-mija tan-nies intervistati jsegwu l-Istrina bi kważi ħamsin fil-mija minnhom isegwuha mill-bidu sal-aħħar. Jirriżulta wkoll li 90 fil-mija ta’ dawk li jsegwu, jagħtu donazzjoni f’xi ħin jew ieħor tal-ġurnata. Meta mistoqsija jekk jahdmux l-ghada tal-Milied, fost dawk li intervistati, 83.2 fil-mija, l-għada tal-Milied ma jaħdmux
Għall-mistoqsija importanti jekk l-Istrina għandhiex issir fil-Milied jew l-għada, irriżulta li kważi ħamsin fil-mija jippreferu li l-Istrina ssir l-għada tal-Milied, 35 fil-mija ma tawx opinjoni u l-kumplament (15 fil-mija) jippreferu li l-Istrina ssir fil-Milied. Fost raġunijiet mogħtija nsibu :
• Għandha ssir l-għada tal-Milied għax il-Milied huwa jum dedikat għall-familja u ma jkunx il-ħin għat-televiżjoni
• Ma jkun hemm xejn x’tistenna u x’tara fuq it-television wara l-Milied
• Fil-Milied ħafna nies joħorġu
• L-għada tal-Milied hija tradizzjoni għalina l-Maltin
Dawk li jippreferu l-Milied b’mod ġenerali jemmnu li kulħadd ikun miġbur u hemm il-possibbiltà li n-nies jagħtu aktar.
Għal dawn l-aħħar sentejn, l-Istrina xxandret minn wieħed mill-hangars tal-Lufthansa Technik Malta u għal din is-sena se tiġi trażmessa ghall ewwel darba minn ġewwa l-Palazz tal-Verdala, waħda mir-residenzi tal-President ta' Malta. Minbarra li wieħed jista’ jsegwi l-ispettaklu ta’ tnax-il siegħa fuq it-televiżjoni, se tingħata wkoll l-opportunità li min jiġi fuq il-post, minbarra li jagħti donazzjoni, ikollu wkoll l-opportunità jdur dawra mal-Palazz u jara r-rikezzi li joffri dan il-wirt storiku Malti.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en