STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għal numru ta’ rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir dwar priġunier li kien qed jallega li għandu informazzjoni dwar min qatel lil Raymond Caruana fil-Gudja fl-1986.
Illum wara nofsinhar, dan il-priġunier ta’ 35 sena ġie intervistat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fil-preżenza tal-Maġistrat Dr Edwina Grima, li hija l-Maġistrat Inkwirenti responsabbli minn dan il-każ u fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Fuq parir u direzzjoni tal-uffiċċjal investigattiv, preżenti għal din l-intervista kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
Qabel dan, il-priġunier kien diġà tkellem għal numru ta’ siegħat mal-Kummissarju tal-Pulizija u ġie offrut ukoll il-possibilità li jitkellem waħdu mal-Maġistrat Inkwirenti, bil-ġurament, fuq dak li jrid jiddikjara.
Waqt l-intervista l-priġunier għażel li ma jitkellem xejn dwar dak li kien iddikjara li ser jagħmel, u ċioè li jiżvela l-isem ta’ min wettaq id-delitt, iżda tkellem biss dwar il-kundizzjonijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ressaq talba, li ma kellha x’taqsam xejn mal-każ ta’ qtil, biex jingħata xi privileġġi waqt li qiegħed jinżamm taħt arrest. Il-priġunier ġie nfurmat li dak li huwa tiegħu bi dritt jingħatalu mingħajr privileġġi.
Kif diġà ntqal fl-istqarrija numru 957 maħruġa l-bieraħ, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern ifakkar li l-Ministru m’għandu ebda setgħat mogħtija bil-liġi biex jinvestiga reati kriminali. Il-preżenza tal-Ministru llum waqt din l-intervista ma kinitx ta’ natura nvestigattiva, iżda kienet intiża biss sabiex jekk hemm ċans li jintefa’ dawl fuq dan il-każ ta’ qtil, dan ma jintilifx.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en