IT-TIELET EDIZZJONI TAL-ATTIVITÀ MILITARY MTARFA
Għat-tielet sena konsekuttiva l-Kunsill Lokali Mtarfa se jorganizza l-attività Military Mtarfa li tagħti spazju għal re-enactments u esebizzjonijiet marbuta mal-preżenza militari Ingliża fl-istorja ta’ din il-lokalità. L-attività se tkun organizzata l-Ħadd 22 ta’ Mejju 2011 bejn il-11am u l-4pm u se tinkludi wirjiet b’suldati b’uniformijiet u tagħmir tat-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll it-tqassim tal-ikel mill-Victory Kitchen. Il-programm jinkludi wkoll diversi attrazzjonijiet oħra u wirjiet fosthom ta’ vetturi u muturi ta’ qabel l-1945. Xelters u swali fl-isptar l-antik tal-Imtarfa, kif ukoll it-torri tal-arloġġ, se jkunu miftuħa għall-pubbliku wkoll.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu Mario de Marco u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, u mis-Sindku tal-Imtarfa Anton Mifsud.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco qal li dawn l-attivitajiet itejbu l-prodott turistiku u kulturali tagħna. Hu qal li Military Mtarfa se sservi biex il-poplu Malti jkattar l-għarfien tiegħu dwar l-istorja militari ta’ pajjiżna u r-rabta tagħha mar-raħal tal-Imtarfa. Dan filwaqt li sservi biex joffri esperjenza unika lit-turist, tenna Mario de Marco. Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa meħtieġ li jiġu organizzati attivitajiet li jippromwovu l-istorja tal-irħula u jsaħħu l-aċċessibilità ta’ siti storiċi. Hu qal li huwa għalhekk li fl-aħħar tliet snin, il-Gvern investa €750,000 f’fondi għall-inizjattivi kulturali mill-kunsilli lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa għax bil-ħidma tiegħu qed jirnexxielu jdaħħal sens ta’ identita’ u komunita’ f’lokalita’ li għadha relattivament żagħżugħa. Dan għaliex il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa ilu li twaqqaf biss ftit aktar minn 10 snin u fil-biċċa l-kbira tagħhom ir-residenti ġejjin minn lokalitajiet oħra f’Malta. Hu qal li din is-sens ta’ identità għal komunità ġdida bħall-Imtarfa jista’ jitrawwem bil-mod kif qed jagħmel il-Kunsill Lokali – billi jqajjem interess fil-wirt storiku u kulturali tal-lokalità. Chris Said qal li l-Imtarfa hi marbuta mal-preżenza militari tal-Ingliżi f’Malta, u dak li ħallew warajhom - l-arkitettura u l-binjiet ewlenin fost l-oħrajn - qed ikunu sfruttati bl-aħjar mod biex jagħmlu l-istorja aktar tanġibbli.
L-attività qed tiġi mgħejuna mill-iskema ta’ Inizjattivi u Attivitajiet 2011 imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Għal din l-attività l-pubbliku se jkun jista’ jagħmel użu minn transport shuttle service li jitlaq mill-Adventure Park f’Ta’ Qali għal ġo ċ-ċentru tal-Imtarfa u lura, bi prezz ta’ €1. Se jkun qed jitħaddem ukoll s-servizz ta’ trackless train li titlaq minn fejn il-Villa Rumana fir-Rabat.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en