TNEDIJA TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-QAFAS TAL-KURRIKULU NAZZJONALI - ĦIDMA BIEX KULĦADD JIKSEB IL-ĦILIET LI JGĦINUH TUL IL-ĦAJJA
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina dalgħodu nidiet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali li għandu jwassal biex kulħadd jikseb il-ħiliet li jgħinuh tul ħajtu, jassigura żvilupp ekonomiku sostenibbli u jsaħħaħ il-pedamenti ta’ soċjetà bbażata fuq l-għerf u l-ġustizzja soċjali.
F’ċerimonja li saret fl-iskola Primarja tal-Mellieħa u li għaliha attendew esperti li fasslu l-kurrikulu nazzjonali u l-politika dwar ix-xjenza, l-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Stephen Spiteri, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Evarist Bartolo, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, James Calleja, Diretturi Ġenerali tal-Edukazzjoni, Diretturi, Prinċipali u amministraturi u kapijiet tal-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, saret it-tnedija ta’ dan id-dokument importanti li hu maqsum f’erba’ taqsimiet.
Il-Prof Grace Grima, Direttur Ġenerali għall-Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni li mexxiet il-grupp ta’ esperti li fasslu d-dokument għamlet preżentazzjoni li fiha spjegat kif hu mqassam il-kurrikulu nazzjonali li tfassal wara konsultazzjoni flimkien mal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.
Studenti mill-iskola primarja tal-Mellieħa, mic-Chiswick House School, mill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl u minn St. Martin’s College megħjuna minn għalliema tad-Drama Unit tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l-Big Band Brothers, għamlu rappreżentazzjoni teatrali b’messaġġ dwar x’jistennew l-istudenti mill-Kurrikulu Nazzjonali.
F’diskors li għamlet il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina qalet li l-mira tal-Gvern hi li t-tfal kollha qabel itemmu l-edukazzjoni obbligatorja jkunu kisbu l-ħiliet u l-kwalifiċi meħtieġa fi skejjel li joffru ambjent attraenti għat-tagħlim. Grazzi għall-investiment qawwi fit-teknoloġija tal-informatika u fis-servizz għall-istudenti li qed ikunu introdotti fil-kulleġġi kollha, kif ukoll għall-investiment qawwi fir-riżorsa umana ta’ għalliema u professjonisti oħra, din ir-reviżjoni tal-Qafas Kurrikulari għandha tibdel l-istrutturi eżistenti f’opportunitajiet għal żvilupp personali u soċjali, tnaqqas in-numru ta’ dawk li jitilqu mill-edukazzjoni kmieni, iżżomm aktar nies fl-edukazzjoni formali għall-itwal żmien possibbli, u tagħti kreditu lit-tagħlim informali u mhux formali.
Il-Ministru kompliet li fi żmien meta Malta ħierġa minn kriżi ekonomika li laqtet l-Ewropa u d-dinja kollha u fil-kuntest tal-bidliet demografiċi u l-koeżjoni soċjali, il-qafas tal-Kurrikulu u l-Viżjoni għall-Edukazzjoni fix-Xjenza għandhom jassiguraw li l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jiksbu l-ħiliet li jgħinuhom tul il-ħajja, jassiguraw l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u jsaħħu l-pedamenti ta’ soċjetà bbażata fuq l-għerf u l-ġustizzja soċjali.
L-Att tal-Edukazzjoni tal-1988, daħħal għall-ewwel darba l-kunċett li l-pajjiż għandu jkollu Kurrikulu Minimu Nazzjonali li jiggarantixxi lit-tfal kollha livell bażiku ta’ tagħlim.
L-ewwel reviżjoni ta’ dak l-ewwel kurrikulu kienet saret fl-1995 bil-pubblikazzjoni ta’ Tomorrow’s Schools: Developing Effective Learning Cultures. Dan il-proċess tkompla bil-pubblikazzjoni fl-1998 tal-abbozz tal-kurrikulu nazzjonali u aktar tard bil-formulazzjoni tad-dokument finali Creating the Future Together, fl-1999, wara proċess ta’ konsultazzjoni mifrux mal-pajjiż kollu.
Id-dokument ta’ politika For All Children To Succeed tal-2005 fassal il-qafas inizjali għat-twaqqif tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) u d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES), u għal mudelli differenti ta’ kulleġġi f’Malta u Għawdex.
Il-Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali li tniedi l-lum għall-konsultazzjoni pubblika, hu maħsub biex ikompli jiżviluppa l-proċess tat-tagħlim f’pajjiżna. Fit-tfassil tiegħu kienu kunsidrati tliet elementi importanti ġodda.
1. Li dan hu l-ewwel kurrikulu li qed jitfassal wara li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea u din is-sħubija għandha impatt importanti anke fuq is-sistema edukattiv;
2. Li għall-ewwel darba qed indaħħlu f’dan il-qafas l-edukazzjoni bikrija, jiġifieri mil-livell taċ-Child Care Centres u l-Kindergarten u nkomplu bil-Primarja u s-Sekondarja.
3. It-tfassil ta’ dan id-dokumenti sar flimkien bejn l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. Dan hu dokument tal-pajjiż kollu u mhux tal-iskejjel tal-Gvern biss.
Barra minn dan u kumplimentari għall-kurrikulu, il-Ministru qalet li qed tkun varata wkoll Strateġija għat-Tagħlim tax-Xjenza. Iċ-ċifri juru li sal-lum, ftit huma dawk l-istudenti li jagħżlu li jibqgħu jistudjaw fl-oqsma tax-xjenza. Il-pajjiż għandu bżonn aktar xjenzjati u rridu nibdew minn kmieni nuru lill-istudenti li l-istudju tax-xjenza, jista’ wkoll joffri esperjenza pjaċevoli u pożittiva u possibiltajiet kbar ta’ karrieri fil-futur.
L-abbozz tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u l-Viżjoni għall-Edukazzjoni fix-Xjenza huma dokumenti kumplessi iżda meħtieġa. Dawn id-dokumenti qed iħarsu lejn l-għaliex u l-kif tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Illum qed neżaminaw il-ġewwieni tal-proċess tal-edukazzjoni. Biex inwieġbu għall-isfidi edukattivi, soċjali, kulturali, ekonomiċi u etiċi li l-għalliema u l-iskejjel tagħna qed iħabbtu wiċċhom magħhom kuljum, irridu nirreżistu ‘soluzzjonijiet’ sempliċistiċi li ma jkunux tassew inklużivi, li ma jqisux it-tagħlim effettiv ta’ kulħadd, hi x’inhi kapaċità, il-bżonn jew l-isfond soċjali jew kulturali tiegħu jew tagħha.
Il-Ministru Cristina saħqet li dawn id-dokumenti jridu jwasslu messaġġi ċari u qawwija lill-familji u lill-iskejjel tagħna dwar l-ambizzjonijiet li għandna għal pajjiżna u għal uliedna. Iridu jindikaw b’mod ċar lill-għalliema l-proċessi, ir-riżorsi u l-proċeduri ta’ tagħlim u assessjar li se jwasslu għal qabża oħra fil-kwalità tat-tagħlim u tal-kompetenzi ta’ uliedna. Iridu juru b’mod li jifhmu kulħadd il-bilanċ dinamiku bejn id-deċentralizzazzjoni msejsa fuq ir-rispett lejn il-professjonalità tal-għalliema, u l-kontabilità tal-professjoni biex jitwettqu l-miri li poġġejna għal pajjiżna.
Il-Ministru qalet li spiċċa ż-żmien li kulma jagħmlu t-tfal fl-iskola jkun li jitgħallmu bl-amment. It-tfal ma jridux ikunu pappagalli. It-tfal iridu jesperimentaw, jippruvaw affarijiet ġodda. Ma jimpurtax li kultant jiżbaljaw. Ma jiżbaljax min ma jippruvax. Lit-tfal irridu nħalluhom jaqgħu kultant għax hekk biss jitgħallmu jqumu.
Irridu nkunu aktar flessibbli fis-suġġetti u fil-metodi tat-tagħlim. It-tfal iridu jkunu aktar ħielsa u dan il-ħelsien jiksbuh bl-għarfien u bl-għerf li jiksbu. Uliedna jridu jkunu liberi biex itiru u jimirħu. Għandhom bżonn sistema li tgħinhom u mhux li xxekkilhom. Għandhom bżonn ftit imbuttatura u mbagħad jitilqu jtiru bil-ġwienaħ tagħhom stess u mhux ta’ ħaddieħor.
Il-Ministru rringrazzjat lil kulmin ħa sehem fil-produzzjoni u l-preżentazzjoni ta’ din il-ħrafa l-ġdida, li kif rajna tant għandha mir-realtà. Il-messaġġ li riedet twasslilna hu li lit-tfal għandna nħalluhom jikbru, jiskopru u jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom. Dan hu li l-Kurrikulu l-ġdid irid jagħti lit-tfal tagħna.
Irringrazzjat ukoll lill-grupp ta’ esperti mmexxija mid-Direttur Ġenerali Grace Grima li ħejjew dawn id-dokumenti li qed inniedu għall-konsultazjoni pubblika li huma l-frott ta’ siegħat twal ta’ qari, riflessjoni, u diskussjoni. Dawn id-dokumenti nkitbu minn stakeholders mill-oqsma diversi tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Fl-aħħar u żgur mhux l-inqas, irringrazzjat lill-kapijiet u l-għalliema tal-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti, li tħabtu biex ilaħħmu fil-klassijiet dawn l-ideat u l-kunċetti, u wrew fejn kien hemm bżonn iktar żvilupp fil-ħsieb u fil-prattika.
Il-Ministru temmet tgħid li l-awgurju tagħha hu li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali, ikun tassew intensiv u komprensiv, ikkaraterizzat minn dibattitu vigoruż u san. Dan hu proċess li jrid jurina fejn irridu nieħdu l-edukazzjoni obbligatorja f’pajjiżna u x’deċiżjonijiet iridu jittieħdu biex nassiguraw li t-tfal kollha tagħna jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità, kif jixirqilhom, biex jirnexxu huma u jkompli jirnexxi pajjiżna wkoll.
L-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-kurrikulu nazzjonali se ssir nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju fid-9.30 a.m. fl-Istitut Kattoliku.
Other Press Releases:
PR262006
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR262005en