DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITÀ, WAQT IL-KONFERENZA DWAR IR-RIJBILITAZZJONI TA’ PAZJENTI TAL-AMPUTAZZJONI, L-ISPTAR MATER DEI – IL-ĦAMIS 12 TA’ MEJJU 2011
L-għodwa t-tajba u grazzi tal-istedina,
Is-seminar tal-lum qed jitratta t-tema tar-rijabilitazzjoni ta’ pazjenti li jkunu għadhom kif għaddew mit-trawma ta’ amputazzjoni. L-għan ta’ dan is-seminar huwa li professjonisti fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu ma’ dawn il-pazjenti, jikollaboraw, u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bil-għan li jiżdied l-għarfien f’dan il-qasam, u hekk il-pazjenti jieħdu l-aqwa kura possibli. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nipparteċipa f’inzjattivi bħal dawn meħuda mill-istaff tagħna.
Il-kawżi li jwasslu għal amputazzjoni huma varji. Hekk pereżempju nsemmu l-inċidenza għolja ta’ persuni li jsofru mid-Dijabete, problemi tal-qalb, u problemi fil-kliewi. Hemm imbagħad problemi kkawżati mill-istil ta’ ħajja tal-individwu, pereżempju l-abbuż tal-alkoħol, it-tipjip, u l-obeżità. Wieħed ma jistax jibda jindirizza l-problemi tal-pazjent mingħajr ma jifhem il-kawżi li jwasslu għal din is-sitwazzjoni.
Din mhix xi problema li tista’ tiġi indirizzata minn professjoni jew professjonist waħdu. Biex il-kura u r-rijabilitazzjoni tkun tassew effettiva jeħtieġ li l-professjonisti minn oqsma differenti jaħdmu flimkien għal għan wieħed – il-pazjent.
M’għandix dubju li intom hawn preżenti tifhmu t-trawma li jgħaddi minnha pazjent meta ssirlu amputazzjoni. Wieħed ma jridx jinsa wkoll it-tbatija li jgħaddu minnha l-qraba tal-pazjent u kull min jgħix miegħu. Din is-sitwazzjoni ġġib magħha ansjetà u, sa ċertu punt, biża’ mill-futur għall-fatt li hemm ir-riskju li persuna tispiċċa dipendenti fuq dawk ta’ madwarha.
Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti fit-taħriġ ta’ tobba, konsulenti mediċi, fiżjoterapisti, occupational therapists, social workers, u infermiera li lkoll jispeċjalizzaw f’dan il-qasam. Fil-professjoni tan-nursing, bil-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, inbeda kors ta’ taħrig speċjalizzat fir-rijabilitazzjoni, għan-nurses kwalifikati. Dan il-kors qed jiġi offrut kull sena li dawk li jaħdmu f’dan is-settur. Aħna fiduċjużi li ’l quddiem l-isfidi u d-domandi kbar għal servizzi tar-rijabilitazzjoni li qegħdin naraw anki f’pajjiżna se jwasslu biex anke professjonijiet oħra jinvestu fl-istess taħriġ. Sar investiment ukoll fi professjonisti oħra li ma jaħdmux daqstant direttament mal-pazjent imma xogħolhom huwa neċessarju, bħal pereżempju l-prosthetic technicians qed jingħaqdu.
Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lid-Dipartiment tal-Occupational Therapy fl-isptar Mater Dei kif ukoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Occupational Therapy ta’ din l-inizjattiva siewja.
Nixtieq ikoll nuri l-apprezzament tiegħi lejn id-dedikazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Aħna qegħdin magħkom f’din il-ħidma sabiex flimikien nassiguraw servizzi ta’ rijabilitazzjoni effiċjenti u effettivi.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005