IL-ĦAJJA AGRIKOLA F’RAĦAL TIPIKU MALTI – ĦIDMA AGRARJA U TRADIZZJONIJIET F’ĦAD DINGLI
Il-ħajja agrikola tipika Maltija u l-prodotti agrikoli frott il-ħidma tal-bidwi Malti se jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni waqt l-attività ‘Ħidma Agrarija u Tradizzjonijiet’ organizzata mill-Kunsill Lokali Ħad Dingli bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Wara s-suċċess tal-istess attività li ttellgħet is-sena li għaddiet u li għaliha attendew mal-4,000 ruħ, il-Kunsill Lokali ħaseb li jkabbar l-attività bil-għan li jattira aktar viżitaturi u jkompli jippromwovi t-tradizzjonijiet agrikoli Maltin b’mod partikolari dawk ta’ Ħad Dingli.
L-attività ‘Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet’ se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Mejju fl-isfond tal-kampanja u l-irdumijiet ta’ Ħad Dingli li hu sit ta’ Natura 2000. Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u mis-Sindku ta’ Ħad Dingli Ian Borg.
Il-viżitaturi u t-turisti se jkollhom iċ-ċans jesperjenzaw il-ħajja agrikola f’raħal rurali Malti, isegwu l-proċess kollu ta’ kif isiru l-ġbejniet, u jaraw kif il-Maltin ta’ dari kienu jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ u l-mogħoż. Se jkunu organizzati wkoll mixjiet tul l-irdumijiet ta’ Ħad Dingli, u se jsiru rappreżentazzjonijiet tax-xalata kif kienet tkun organizzata qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Minbarra l-wirjiet tal-frott u ħxejjex, se jkun hemm għall-bejgħ prodotti tipikament Maltin filwaqt li se ssir ukoll kompetizzjoni tal-inbid. Se jkunu organizzati wkoll għadd ta’ attivitajiet oħra fosthom mużika u logħob ieħor għall-familja kollha.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali Ħad Dingli li qed jaħdem bis-sħiħ biex il-lokalità tiżviluppa b’mod sostenibbli u biex jisfrutta bl-aħjar mod il-karatteristiċi ewlenin tagħha. Hu fakkar kif il-Gvern għen finanzjarjament lill-Kunsill Lokali Ħad Dingli biex ifassal strateġija ta’ żvilupp sostenibbli. Id-dokument kien ippubblikat fix-xhur li għaddew u issa l-Kunsill Lokali għandu pjan li fuqu jista’ jimxi fuq tul ta’ żmien.
Chris Said qal ukoll li madwar terz tat-turisti li jżuru Malta kull sena, jżuru l-irdumijiet ta’ Ħad Dingli. Sabiex joffri esperjenza aħjar lil dawn l-erba’ mitt elf turisti u lil eluf ta’ viżitaturi Maltin oħra, il-Kunsill Lokali Ħad Dingli qed jirrestawra żewġt ikmamar u biċċa art li kien irċieva b’devoluzzjoni fl-2005, u qed idawwarhom f’Ċentru tal-Viżitaturi. Dan se jkun il-bidu u t-tmiem ta’ heritage trail li se tiffoka fuq il-wirt rurali u storiku tal-lokalità. Fih il-viżitaturi se jingħataw informazzjoni dwar il-flora u l-fawna li tinsab fil-kampanja f’Ħad Dingli. Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi, immexxi bi sħab mal-privat, se jkun jinkludi ċentru għall-informazzjoni, faċilitajiet għal konferenzi żgħar u faċilitajiet ta’ catering sabiex il-post ikun sostenibbli. Ix-xogħol fuq dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat ħafna.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali Ħad Dingli li b’sinerġija mal-politika tal-Gvern għaraf jieħu inizjattivi u jwettaq proġetti li permezz tagħhom qed itejjeb u jsebbaħ il-lokalità għall-ġid tar-residenti u biex jitgawdew mill-mijiet ta’ eluf ta’ viżitaturi li jżuru Ħad Dingli matul is-sena.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005