TINFETAĦ MILL-ĠDID IL-YOUTH SPECIALISATION STUDIES SCHEME
L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport dalgħodu ppresjeda fuq l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-APS Bank u Aġenżija Żgħażagħ u nieda edizzjoni oħra tal-Youth Specialisation Studies Scheme (YSSS). Din l-iskema se tkun qed tiġi amministrata minn Aġenzija Żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fit-tliet snin li għaddew madwar 60 żagħżugħ u żagħżugħa diġà bbenefikaw mill-iskema tal-Youth Specialisation Studies Scheme.
Waqt l-intervent tiegħu l-Onor Puli qal li sabiex il-Gvern jilħaq il-viżjoni tiegħu għall-2015, dik li jeċċella f’diversi oqsma, jeħtieġ li jkompli jiffoka fuq l-edukazzjoni. Hu sostna li din l-iskema tiżdied ma’ aktar minn elf borża ta’ studju li l-Gvern qassam pemezz tal-MGSS, l-STEPS u l-ischolarships fl-Arti.
Bejn it-Tnejn 16 ta’ Mejju u l-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena qed jingħataw l-opportunità li japplikaw sabiex jieħdu soft loan b’rata ta’ imgħax sussidjata, bil-għan li jkomplu bl-istudji tagħhom barra minn Malta jew li jieħdu kors akkademiku b’distance learning, fejn il-kors magħżul ma jkunx jingħata f’pajjiżna. Bir-rata ta’ imgħax kurrenti ta’ 4.1% l-istudenti se jkunu qed iħallsu biss 1%.
Studenti tal-Università u tal-MCAST li huma interessati li japplikaw għal loan permezz ta’ din l-iskema li tista’ tkun bejn €10,000 u €30,000 u titħallas f’perjodu ta’ massimu 10 snin huma mħeġġa japplikaw. Din l-iskema tinkludi massimu ta’ 5 snin moratorju fuq il-ħlas kapitali li jiddependi mit-tul tal-kors segwit.
Preferenza se tingħata lil dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’waħda minn dawn l-oqsma: Aeronautika; Saħħa u Bioteknoloġija; ICT; Produzzjoni ta’ Logħob Digitali; Manifattura ta’ Valur Miżjud Għoli; Management Speċjalizzat; L-Ambjent; Agrikultura u Studji Marittimi; Youth Work u Sport.
Il-ftehim kien iffirmat mis-Sur Edward Calleja, Head-Advances Division ta’ APS Bank u Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ.
Formoli tal-Applikazzjoni jistgħu jinkisbu mill-fergħat tal-APS Bank; minn Aġenzija Żgħażagħ jew mis-siti rispettivi tagħhom www.agenzijazghazagh.gov.mt jew www.apsbank.com.mt
L-Applikazzjonijiet flimkien mad-dokumentazzjoni mitluba jridu jiġu sottomessi personalment lill-Aġenżija Żgħażagħ, biswit Casa Leoni, St. Joseph Road, Santa Venera sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2011 sal-4.30pm.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005