WIRJA ANNWALI TA’ XOGĦLIJIET MIĊ-ĊENTRU GĦAWDXI TAL-ARTI U L-ARTIĠJANAT WISTIN CAMILLERI
Aktar minn 700 biċċa xogħol tal-arti maħduma minn 650 parteċipant li bħalissa qed jattendu korsijiet fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri qed jiġu esebiti fil-wirja annwali ta’ dan iċ-ċentru li tiġi mtella’ fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Din il-wirja ġiet stabbilita fil-kalendarju annwali tal-wirjiet f’Għawdex. Ta’ kull sena jżuruha bosta dilettanti tax-xogħol tal-idejn fosthom bosta Maltin.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono qalet li dawn ix-xogħlijiet huma frott ta’ ħidma ta’ sena sħiħa f’dan iċ-ċentru ħaj li jippromwovi kreattività u innovazzjoni f’Għawdex, filwaqt li jagħti kontribut fl-iżvilupp sostenibbli fir-rigward ta’ tagħlim għal matul il-ħajja. Żiedet tgħid li l-oġġetti għal wiri huma xhieda wkoll tal-proattività li bih qed jitmexxa dan iċ-ċentru fejn kontinwament jiġu offruti opportunitajiet li joffru anke diversifikazzjoni u innovazzjoni kemm fil-prodotti kif ukoll fit-teknika. Il-Ministru Debono qalet li riżultat tal-interess fil-korsijiet offruti li kull ma jmur baqa’ dejjem jikber wassal biex dan iċ-ċentru kien wieħed minn tal-ewwel li bbenefika minn fondi Ewropej fl-ewwel snin ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.
F’din il-wirja qed jiġu esebiti xogħlijiet tal-arti, bizzilla, labar u ganċ, ganutell, xogħol tal-induratura, filigranu u xogħol ieħor bil-fidda, xogħol ta’ tiżjin tal-ħelu bil-ġelu, injam u fuħħar. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 22 ta’ Mejju bejn it-8.30 a.m. u n-12.30 p.m. u bejn is-1.30 p.m. u l-4.30 p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u s-Sibt u l-Ħadd mid-9 a.m. sa nofsinhar.
Matul din is-sena akkademika, iċ-Ċentru tal-Arti u Artiġjanat Wistin Camilleri kien qed joffri 55 kors lil madwar 1,247 parteċipant ta’ etajiet li jvarjaw minn tfal sa adulti u persuni anzjani. Dan iċ-Ċentru kkordina ħidma mal-iskejjel sekondarji tal-gvern kif ukoll mal-ETC f’Għawdex fejn ġew organizzati sessjonijiet regolari ta’ taħriġ għal numru ta’ studenti b’ħiliet diversi.
B’għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, riċentament dan iċ-ċentru investa f’aktar makkinarju għall-workshop tal-metall, bil-għan li jiġu offruti aktar korsijiet relatati ma’ dan il-qasam. B’hekk żdiedu l-faċilitajiet ta’ taħriġ għal dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol flimkien ma’ oħrajn li jixtiequ jtejbu l-kompetenza tagħhom fil-qasam tax-xogħol. Proġetti oħra ta’ żvilupp li huma ppjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena akkademika jinkludu xogħlijiet ta’ tisbieħ f’waħda mill-klassijiet tal-arti kif ukoll xiri ta’ għodda u makkinarji meħtieġa għal-lezzjonijiet tax-Sugar Craft li huwa suġġett li beda jiġi mgħallem din is-sena.
Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, grupp miċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri ser imur Sqallija fuq żjara kulturali li ser tkun tinkludi workshop ta’ jumejn dwar iċ-ċeramika u l-mużajk f’Cartagirone. Din iż-żjara se ssir wara li f’Diċembru li għadda f’dan iċ-ċentru sar il-workshop La Ceramica Di Caltagirone’ immexxi minn tliet ċeramisti magħrufa fi Sqallija. Barraminhekk, wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, f’Ġunju li ġej iċ-ċentru ser jerġa’ jorganizza Jum l-Arti mit-Tfal fil-bajja tar-Ramla.
Other Press Releases:
PR262005en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...
PR262005