Left arrow Go Back

PARKS, MUŻEW TAL-FOLKLOR U RESTAWR TA’ WIRT STORIKU FOST PROĠETTI LI SE JSIRU MINN KUNSILLI LOKALI GĦAWDXIN B’FONDI EWROPEJ

pr0900
Date Icon 10/05/2011

Il-MEUSAC għen ħames lokalitajiet Għawdxin biex bejniethom akkwistaw 2.3 miljun ewro mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea - Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – Miżuri 313 u 323 tal-Unjoni Ewropea.  Il-Kunsilli Lokali li se jgawdu minn dawn il-fondi huma l-Qala, Ta’ Sannat, San Lawrenz, l-Għarb u l-Munxar. Fost l-oħrajn se jinħolqu żewġ parks għar-rikreazzjoni u Mużew tal-Folklor. Se jkunu restawrati żewġ kappelli, salib tad-dejma, pont antik, u numru ta’ ħitan tas-sejjieħ. Se jsiru diversi faċilitajiet ġodda biex jitgawdew mill-viżitaturi u se jsiru wkoll numru ta’ heritage trails.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Ġnien il-Kunsill fil-Qala u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said u mill-Kap tal-MEUSAC Dr. Vanni Xuereb. Preżenti kien hemm is-Sindki tal-ħames lokalitajiet Għawdxin li kisbu l-fondi bl-għajnuna tal-MEUSAC.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li fix-xhur li għaddew il-MEUSAC għen 14-il Kunsill Lokali, disa’ f’Malta u ħamsa f’Għawdex, jakkwistaw 5.4 miljun ewro mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Il-MEUSAC għen ukoll erba’ Kunsilli Lokali jakkwistaw miljuni ta’ ewro f’fondi taħt l-ERDF – Priority Axis 2 – Promoting Sustainable Localities biex itejbu ċ-ċentri urbani.

Dawn il-proġetti kollha se jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi f’oqsma bħall-agri-turiżmu, l-eko-turiżmu, u t-turiżmu kulturali. Il-proġetti nfushom se jgħinu wkoll biex il-lokalitajiet li kisbu fondi jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli. L-għan aħħari jibqa’ li t-tisbiħ tal-kampanja u r-restawr ta’ postijiet storiċi u rurali jwasslu  biex aktar viżitaturi u turisti jżuru l-lokalitajiet u l-attrazzjonijiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali saru l-akbar benefiċjarji ta’ finanzjament Ewropew permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC. Tul is-sentejn u nofs li għaddew, il-MEUSAC għen lill-Kunsilli Lokali biex jiksbu €7.5 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea u bejniethom qed iwettqu 55 proġett differenti minn 33 Kunsill Lokali fosthom tmienja f’Għawdex.

Dr. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, qal li l-Kunsilli Lokali f’Għawdex huma quddiem nett biex jisfruttaw mill-opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Huwa rringrazzja lill-istaff tat-taqsima tal-MEUSAC li tassisti lil kunsilli lokali kif ukoll tal-uffiċċju li l-MEUSAC għandu f’Għawdex.

Il-ħames proġetti tal-Kunsilli Lokali Għawdxin li ħadu fondi mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali bl-għajnuna tal-MEUSAC huma dawn:

Fil-Qala se jsiru Park għar-Rikreazzjoni u Mużew tal-Folklor sabiex jitqiegħdu għall-wiri xogħlijiet ta’ arti u snajja’ tradizzjonali. Se ssir ukoll heritage trail li se tgħaqqad flimkien siti storiċi ewlenin. Il-karattru rurali tar-raħal se jissaħħaħ billi se jkunu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ.

F’Ta’ Sannat se jsir investiment f’park ta’ rikreazzjoni li jippromwovi t-tradizzjonijiet agrikoli u l-wirt rurali tal-lokalità. Il-proġett imsejjaħ Tal-Bidwi għandu l-għan li jtejjeb il-prodott turistiku billi jsebbaħ l-inħawi ta’ Saguna, l-irdumijiet ta’ Bardan u l-inħawi ta’ Ċnus. Fil-park se ssir picnic area u minbarra diversi faċilitajiet fosthom ta’ Wi-Fi, se jkun jifforma parti minn heritage trail li tgħaqqad siti turistiċi ta’ valur.

F’San Lawrenz, fl-inħawi tad-Dwejra li hu sit Natura 2000, se jitjiebu l-faċilitajiet għall-bird-watchers, se tissebbaħ il-pjazza u se jkunu restawrati l-isqaqien. Se jkunu provduti wkoll faċilitajiet b’informazzjoni għall-viżitaturi. Dan il-proġett għandu jikkumplimenta r-restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz li qed issir ukoll b’fondi mill-Unjoni Ewropea.

Fl-Għarb se jsir ir-restawr ta’ ħames siti importanti fil-lokalita’: il-kappella ta’ San Dimitri, il-kappella Taż-Żejt, is-salib tad-Dejma fi Pjazza Żjara tal-Madonna, il-pont fi Triq ta’ Sdieri, u numru ta’ ħitan tas-sejjieħ.

Fil-Munxar se ssir heritage trail li se tgħaqqad iċ-ċentru tal-lokalita’ ma’ mogħdijiet f’kampanja ta’ sbuħija liema bħalha. Se jitwaħħlu sinjali direzzjonali, street furniture kif ukoll se jkun żviluppat tour virtwali li għandu jintuża biex jirreklama l-inħawi mat-turisti. Se jsir ukoll studju dwar ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Mitħna tax-Xlendi. Fl-aħħarnett se jkunu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ f’Ta’ Sanap.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow