Left arrow Go Back

QED TITĦEJJA RIFORMA FIS-SISTEMA TAL-MATSEC

pr0895
Date Icon 09/05/2011

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina, waqt li kienet qed tindirizza l-Parlament tal-Istudenti fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, ħabbret li barra l-Kurrikulu Nazzjonali ġdid li se jitnieda fil-jiem li ġejjin qed titħejja riforma fis-sistema tal-eżamijiet tal-MATSEC.

Il-Ministru kienet qed tieħu sehem f’parti mid-dibattitut li sar fil-Kamra tad-Deputati u li matulu studenti staqsew għaliex m’hemmx aktar żgħażagħ li jkomplu bl-edukazzjoni terzjarja.

Il-Ministru Dolores Cristina qalet li l-mira tal-Unjoni Ewropea hi li sal-2020 il-pajjiżi membri jkollhom madwar 10% tal-istudenti li jitilqu mill-iskola wara l-edukazzjoni obbligatorja.  Għalkemm dawn huma miri sbieħ irridu nifhmu li pajjiżna beda minn ċifra ta’ 52% fl-2000 li jitilqu mill-iskola kmieni u fl-aħħar 10 snin din iċ-ċifra niżżilniha għal 36.8%.  Dan ifisser li f’għaxar snin in-numru ta’ studenti li komplew bi studji ogħla  żdied minn 14,168 għal 25,041. Pajjiżna għandu bżonn aktar żmien minn pajjiżi oħra, li l-punt tat-tluq tagħhom kien differenti biex jilħaq din il-mira.

Id-diversi riformi li qed isiru fl-edukazzjoni għandhom jagħtu riżultati fuq medda ta’ snin hekk kif aktar studenti jkomplu jistudjaw.

Il-Ministru Cristina qalet li hemm numru ta’ raġunijiet għaliex tfal ma jkomplux bl-iskola wara 16-il sena. Dawn jistgħu jkunu raġunijiet soċjali fejn ikollok ġenituri li sfortunatament iqisu li l-edukazzjoni ta’ uliedhom m’hix prijorità; hemm ukoll raġunijiet finanzjarji; l-aspettativa tal-istudenti nnifishom li jkunu jridu l-flus f’idejhom. Tista’ ssib studenti b’diffikultajiet fit-tagħlim u jaqgħu lura u minkejja d-diversi servizzi li qed jingħataw jaqtgħu qalbhom. Jista’ jkun li s-sistema edukattiva stess tnaqqas il-motivazzjoni. 

Għal din ir-raġuni tneħħa l-istreaming u qed inkomplu ninvestu f’edukazzjoni inklussiva u b’aktar servizzi lill-isudenti.  Kull student għandu potenzjal u l-pajjiż ma jistax jitlef anqas persuna waħda.  Għalhekk fil-qasam edukattiv jittieħdu diversi inizjattivi u noffru opportunitajiet lil kulħadd skont il-ħiliet tiegħu.  Għalhekk ukoll mis-sena d-dieħla se jkunu inklużi suġġetti vokazzjonali anke fil-livell sekondarju.

Il-Ministru Cristina saħqet fuq l-importanza li d-deċiżjonijiet li jsiru dwar riformi fl-edukazzjoni jkunu meħuda minn dawk kollha interessati f’dan il-qasam u li l-iskejjel tal-Istat u dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti jimxu flimkien fir-riformi.

Hi rriferiet għall-firxa kbira ta’ korsijiet li l-lum jistgħu jieħdu studenti li jridu jibqgħu jistudjaw kemm fuq livell akkademiku kif ukoll fuq livell vokazzjonali.  L-Universita, l-ITS, l-MCAST u istituzzjonijiet oħra jipprovdu diversi opportunitajiet lill-istudenti tagħna. Qegħdin ukoll nagħtu lil studenti li għal xi raġuni kellhom jitilqu mill-iskola kmieni ċans ieħor biex jirnexxu.

Il-Ministru semmiet ukoll programmi bħal Youth Inc. kif ukoll programmi tal-Korporazzjoni għax-xogħol u t-taħriġ, programmi għal studenti li jkollhom diffikultajiet fit-tagħlim u programmi offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li l-programmi tiegħu m’humiex biss għall-anzjani imma għal kulmin jixtieq ikompli jistudja anke jekk għadu żagħżugħ.

L-Edukazzjoni hi xi ħaġa dinamika u minn żmien għal żmien irridu nkomplu naġġornaw il-programmi edukattivi tagħna.  Fil-fatt, fi ftit jiem oħra se jitħabbar Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali ġdid li se jkun miftuħ għal konsultazzjoni pubblika u qed titħejja wkoll riforma fil-qasam tal-MATSEC, biex ikollna sistema ta’ eżamijiet li timmotiva l-istudenti juru l-ħiliet tagħhom.

Kull student hu uniku.  Kull student irid ikun konxju li hu uniku u jagħmel ħiltu biex joħroġ l-aħjar tiegħu.  L-għalliema wkoll iridu jirrikonoxxu li kull student għandu l-ħiliet partikolari tiegħu iżda l-għażla finali tibqa’ dejjem f’idejn l-istudent, temmet tgħid il-Ministru Cristina.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow