Left arrow Go Back

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-KXIF TA’ MONUMENT TAL-ARTIST ANTON AGIUS F’WESGĦAT IL-MUŻEW, RABAT

pr0888
Date Icon 07/05/2011

Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Ministri,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,
Onorevoli Membri Parlamentari,
Sinjuri Sindku u Membri tal-Kunsill Lokali tar-Rabat,
Mistednin distinti,

Nirringrazzjakom talli stedintuni sabiex ninawgura dan il-monument lil Anton Agius, xogħol l-iskultur Rabti Joseph Scerri.


Illejla nġbarna hawn biex nonoraw artist Malti bħalna u wild ir-Rabat, Anton Agius, li ta kontribut kbir lis-soċjetà Maltija fil-qasam tal-arti.  Għaliex l-arti hija essenzjali fis-soċjetà.  Mingħajr arti, is-soċjetà hi bħal ġisem mingħajr ruħ.  L-artist għandu responsabiltà lejn is-soċjetà, ir-responsabiltà li juriha dak li jara hu bl-għajnejn u l-moħħ sensittivi tal-artist u li hi mhux dejjem tagħraf tarah b’mod kif jarah l-artist.  L-artist jista’ wkoll jesprimi dak li tħoss is-soċjetà imma jesprimih b’mod aktar qawwi li jolqot u jqanqal lil dak li jkun. 


L-artist joħloq l-arti u dan jagħmlu fil-kuntest tas-soċjetà ta’ żmienu.  Agius ifisser ruħu fl-ambjent Malti u Mediterranju.  Naħseb li Anton Agius fehem sew is-sentimenti tal-poplu Malti f’dik li hi storja u tana monumenti stupendi li jesprimu ħeġġa patrijottika marbuta ma’ ġrajjiet storiċi bħalma hu s-Sette Giugno, monument li jfakkarna fis-sagrifiċċju suprem ta’ dawk il-Maltin li ħallew ħajjithom fi żmien meta l-poplu Malti ried juri li xtaq tibdil li jwassal għal aktar libertajiet demokratiċi.  Il-monument ta’ Dun Mikiel Xerri u sħabu jagħti ġieħ lill-patrijotti li wkoll taw ħajjithom għal pajjiżhom.  Dak ta’ Manwel Dimech li hemm Kastilja jonora patrijott li bata’ u ħadem għall-ħelsien u l-emanċipazzjoni ta’ ħutu l-Maltin fiż-żmien kolonjali.


Agius radd ukoll ġieħ lill-ħaddiem permezz tal-monument grandjuż li ġie inawgurat mill-General Workers Union fl-1980 fl-Imsida, monument kumpless li, fi kliem sempliċi, ifisser il-ħila tal-ħaddiem flimkien mad-dinjità kbira tiegħu fil-ħidma ta’ kuljum li biha jsostni l-ekonomija tal-pajjiż u jgħajjex lill-familja tiegħu.


Anton Agius fisser ukoll l-ispiritwalità tiegħu kif jaf ifissirha l-artist, permezz tal-iskultura, u ħadem xogħlijiet tassew espressivi kemm fl-injam u kemm f’materjal ieħor li jinsabu kemm fi knejjes u kemm f’kollezzjonijiet privati. 

Impressjonanti l-kurċifissi li ħadem bħal dawk fil-bronż li hemm iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, dak li hemm għand id-Dumnikani tar-Rabat u kif ukoll ix-xbihat tal-qaddisin bħal dik fl-injam ta’ San Franġisk li hemm fil-Mużew Wignacourt u l-iskultura tal-bronż ta’ Padre Pio li hemm fil-knisja tat-Trinità fil-Marsa.


Agius kien ritrattista mill-aqwa u aħna xxurtjati li tana monumenti lil diversi personaġġi Maltin bħalma huma Francis Ebejer u Monsinjur De Piro.


Jiena tolqotni ħafna l-iskultura ta’ Agius minquxa fl-injam.  Għalih, zokk ta’ siġra, ħafna drabi ż-żebbuġa, kien bħal ħaġa ħajja li tkellmu u tispirah sakemm joħroġ minnha xbieha, li hu diġa’ kien qed jaraha fiha, jipprova joħroġ minn dik l-injama, bħallikieku l-vini, l-għeruq u l-forom naturali tal-injama diġa’ kellhom ġo fihom dik il-figura, astratta jew figurattiva, li xtaq joħloq hu bl-iskalpell.  Agius kellu ħila speċjali biex iżewweġ l-astratt mal-figurattiv u din hija karatteristika ewlenija fix-xogħol tiegħu.  Ħallielna wkoll ħafna skulturi ta’ annimali, pjanti u ħlejjaq tal-baħar.


Huwa impossibbli li fi ftit minuti tfiehem il-kobor artistiku ta’ Anton Agius li kien artista prolofiku ħafna.  Agius kellu l-fortuna li kien rikonoxxut ferm meta kien għadu ħaj.  Kien ingħata diversi onorifiċenzi kif kien tassew jistħoqqlu.  Il-pubbliku għandu x-xorti jgawdi l-arti ta’ Agius fil-każ ta’ dawk ix-xogħlijiet aċċessibbli għal kulħadd bħalma huma monumenti, skultura fil-knejjes u xogħlijiet fil-mużewijiet.  Ħafna mill-isbaħ xogħlijiet ta’ Agius jinsabu f’kollezzjonijiet privati u għalhekk m’humiex aċċessibbli għall-pubbliku. 


Ikun tajjeb kieku jiġu organizzati wirjiet fejn, bil-kooperazzjoni ta’ sidien privati tax-xogħlijiet ta’ Agius, il-pubbliku jingħata l-opportunità li japprezza b’mod aktar wiesa’ x-xogħol ta’ dan l-artist.  Ikun xieraq ukoll jekk, fejn hu possibbli, l-Istat jakkwista aktar xogħlijiet ta’ Agius biex jitpoġġew fil-mużewijiet jew li sidien privati jagħtu jew iħallu b’legat xogħlijiet tal-arti biex jitgawdew mill-pubbliku.


Fl-aħħar vers tal-poeżija “Non Omnis Moriar”, Dun Karm kiteb: “Il-poeta jintemm u l-għanja tibqa’”.  Bl-istess mod, nistgħu ngħidu li Anton Agius ħalla din id-dinja imma ma ntemmx għaliex l-artist imut imma xogħlijietu jibqgħu magħna.


Nirringrazzjakom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the importance of dialogue and diplomacy in strengthening international peace and security

PR262005en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta and China emphasise the im...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali

PR262005

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta u ċ-Ċina jisħqu fuq l-importanza...

More Press Releases Right arrow