Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, WAQT IL-KONFERENZA TAL-JUM DINJI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR – TAS-SLIEMA – 15 TA` MARZU 2011

pr0499
Date Icon 15/03/2011

Sinjuri.

Qabel xejn nirringrazzjakom li lqajtu l-istedina tad-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u ġejtu hawnhekk għal din il-konferenza ta’ dalgħodu - li hi l-attivita’ prinċipali li qed issir biex flimkien infakkru l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur. 

Il-promozzjoni tad-drittijiet tagħna l-konsumaturi hi fost l-aktar valuri importanti tal-Unjoni Ewropea. Dan hu rifless fid-Direttivi u fil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea li jħarsu l-interessi tal-konsumatur. U dan hu valur li jiġi ċelebrat kull sena fil-pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja kollha.

Illum il-ġurnata numru ta’ drittijiet neħduhom bħala ovvji, fosthom

1. Li l-konsumatur jista’ jixtri mil-liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea jrid mingħajr ma jħallas taxxa tad-dwana jew VAT addizzjonali;

2. F’każ li jkun xtara prodott u dan ikollu l-ħsara jew b’xi mod ma jkunx konformi ma dak maqbul, il-konsumatur għandu dritt għar-rimedju, li l-prodott jissewwa jew li jingħata prodott ġdid floku jew li jinradd lilu parti mill-prezz jew il-ħlas kollu lura skont il-każ;

3. Li l-prodotti li jinxtraw mis-swieq għandhom ikunu kollha siguri u ma jagħmlux ħsara lill-konsumaturi;

4. Li l-konsumatur għandu jkun infurmat dwar il-prodotti tal-ikel li jkun qed jikkonsma u għalhekk jeżistu liġijiet dwar food-labelling;

5. Li l-klawsoli f’kuntratti iffirmati bejn bejjiegħa u konsumaturi, għandhom ikunu ġusti għall-konsumatur;

6. Li konsumatur għandu jgawdi minn cooling-off period f’kaz ta’ doorstep contracts u distance-selling ;

7. Li l-konsumatur jinghata informazzjoni adegwata biex ikun jista’ jqabbel il-prezzijiet ta’ prodotti differenti;

8. Li l-konsumatur bl-ebda mod u fl-ebda ħin m’għandu jiġi ingannat u għaldaqstant hu protett minn reklamar qarrieqi ;

9. Li l-konsumatur li jivvjaġġa, kemm jekk fuq xogħol kif ukoll jekk għal vaganza, għandu jgawdu minn protezzjoni u jitħares minn prattiċi abbużivi;

10. U li l-konsumatur li jirreġistra ilment fuq prodott li jkun xtara minn stat ieħor tal-Unjoni Ewropea, għandu jingħata  informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu bħala konsumatur fl-Unjoni Ewropea u dwar kif jista’ jfittex rimedju. 

Dawn li għadni kemm irreferejt għalihom huma l-għaxar prinċipji bażiċi dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea.

Il-ħidma li qed issir f’pajjiżna fil-qasam tal-konsumatur hi mnebbħa minn dawn il-prinċipji li qed ikunu implimentati b’mod li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-swieq tagħna.

Hekk per eżempju.  Semmejt il-cooling off period – li hu l-perjodu li matulu konsumatur jista’ jirtira minn kuntratt ta’ bejgħ li jkun laħaq iffirma għaliex ikun reġa’ bdielu. Dan il-perjodu ma jgħoddx biss għal dawk il-konsumaturi li jixtru minn xi telebejgħ. F’Ottubru tas-sena li għaddiet, f’pajjiżna daħħalna regolamenti dwar consumer credit,  li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur meta jiġi biex jissellef il-flus minn banek u entitajiet kummerċjali oħra. Dawn taw drittijiet ġodda lil dak il-konsumatur li jkun se jissellef il-flus, bħal per eżempju d-dritt li konsumatur jirtira mill-kuntratt ta’ kreditu mingħajr penali u mingħajr l-obbligu li jagħti ġustifikazzjoni fi żmien ta’ erbatax-il ġurnata mill-konklużjoni tal-kuntratt.

F’dan il-kuntest, tajjeb li ngħid li bħalissa għaddej ix-xogħol biex jinħarġu wkoll regolamenti dwar self fuq djar – dwar il-home loans - sabiex anki f’dan il-kuntest il-konsumatur ikollu livell ogħla ta’ protezzjoni milli għandu issa meta jiġi biex jagħmel waħda mill-aktar deċizjonijiet importanti u jissellef biex jixtri dar.

Irridu nassiguraw li konsumatur ma jiġix ingannat. Anzi - konsumatur għandu jgawdi minn prodotti ta’ kwalita’ biss. Il-prodotti li jixtri jkunu siguri u li l-ikel li jikkonsma jkun tajjeb u li verament jirrifletti dak li jkun imniżżel fuq l-ippakkeġġjar.

Hu għal dan il-għan li f’pajjiżna fis-snin li għaddew iddaħħlu 23,000 standard li ħafna minnhom tfasslu fl-Ewropa u kienu addottati minn pajjiżna. 12-il standard ieħor tfasslu mill-esperti mqabbda mill-Awtorita’ Maltija għall-Istandards.  Dawn l-istandards huma maħsuba biex iħarsu l-konsumatur Malti – mill-kbir saż-żgħir.

Hekk per eżempju, l-istandard dwar id-distribuzzjoni tal-ħalib jispeċifika f’liema kundizzjonijiet u f’liema temperaturi dan il-prodott għandu jinġarr u jinżamm qabel dan jasal għand il-konsumatur. L-istess jgħodd għal-linji gwida dwar il-bejgħ tal-ħut fit-triq. Filwaqt li dawn il-linji gwida tfasslu għar-realta’ partikolari ta’ Malta fejn għandna numru ta’ bejjiegħa li għadhom ibiegħu l-ħut b’mod tradizzjonali, ma jwarrbux il-fatt li l-konsumatur għandu jitħares billi jkun assigurat li l-ħut jasal għandu fl-aħjar kundizzjoni u li ma jpoġġilux saħħtu f’periklu.

Matul is-sena li għaddiet l-Awtorita’ Maltija għall-Istandards ħadet passi kull fejn sabet li fis-suq qed jinbiegħu ġugarelli li jistgħu jagħmlu ħsara lit-tfal li jkunu qed jilagħbu bihom. Fi tnax-il xahar, l-uffiċjali tal-MSA għamlu spezzjonijiet f’44 stabbiliment u fuq 214-il ġugarell differenti. Ħdax-il tip ta’ ġugarell differenti ntbagħtu għat-testijiet u għall-analiżi barra minn Malta.

Malta ħarġet tliet notifiki fuq is-sistema ċentralizzata tar-RAPEX u b’hekk infurmat lill-bqija tal-istati membri dwar il-perikli ta’ dawn it-tliet ġugarelli. Ir-RAPEX hi sistema mhejjija u mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea biex tassigura li prodotti li jinstab li jkunu ta’ riskju serju għas-saħħa tal-konsumaturi, ikunu notifikati madwar is-suq Ewropew kollu. B’hekk il-pajjiżi membri kollha tal-UE jkunu jistgħu jieħdu miżuri f’waqthom biex jassiguraw li ħadd mill-konsumaturi ma jbati konsegwenzi ta’ prodotti mhux konformi mal-liġijiet u r-regolamenti Ewropej.

Dwar it-tliet każijiet li semmejt, irrid ngħid li l-uffiċjali tal-Awtorita’ Maltija għall-Istandards sabu l-koperazzjoni kollha meħtieġa mill-importaturi tal-istess ġugarelli tant li x’ħin dawn indunaw bil-perikli ta’ dawn il-ġugarelli, irtirawhom bla telf ta’ żmien mis-suq.

Dan juri li m’għandniex niġġeneralizzaw. B’xorti ħazina ħafna drabi nisimgħu diskors fis-sens  li l-bejjiegħa u n-negozjanti jagħmlu minn kollox biex ibiegħu anki jekk l-affarijiet ma jkunux ta’ kwalita’. Kien hawn l-impressjoni, għalkemm f’ħafna każi fuq ġustifikata, li xi negozjanti f’xi swieq partikolari mhux dejjem kienu onesti mal-klienti tagħhom.

Ejja ma nagħmlux l-iżball li npoġġu lil kulħadd fl-istess keffa. Aktar minn hekk ejja nassiguraw li jkollna swieq li jaħdmu u li nsaħħu l-fiduċja bejn il-konsumatur u n-negozji. Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma l-għanijiet ewlenin tal-Awtorita’ l-ġdida – l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur li se tkun qed titwaqqaf f’qasir żmien wara li jintemm id-dibattitu fil-Parlament. (Il-liġi bħalissa qed tiġi diskussa fl-istadju ta’ kumitat.)

Kif se jkollna ċ-ċans li nisimgħu aktar tard illum, l-Awtorita’ l-ġdida se jkollha rwol ġdid. Se tiddaħħal il-marka ta’ fiduċja biex il-konsumatur ikun jaf liema negozji jagħtuh livell għoli ta’ protezzjoni u l-konsumatur ikun jista jixtri b’ċerta serħan tal-moħħ. Fil-promozzjoni ta’ prattiċi tajba ta’ negozju, se jsiru arranġamenti għall-approvazzjoni ta’ kodiċi ta’ imġieba u għall-użu ta’ simbolu uffiċjali li juri dan.

Is-sidien tan-negozji qed jifhmu dejjem aktar li biex ibiegħu aktar iridu jaħdmu biex isaħħu l-fiduċja li l-konsumaturi għandhom fihom. Jekk innaqqsu l-prattiċi mhux ġusti, tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fin-negozji, il-bejgħ u l-konsum jiżdiedu. X’ħin il-konsumatur jinduna li s-sidien tan-negozji jidħlu minn jeddhom biex josservaw codes of good practice, jibdew jafdawhom aktar u jixtru aktar ukoll.

Jekk ikollna prattiċi tan-negozju aħjar milli għandna llum tiżdied il-fiduċja fin-negozji u n-nies jixtru aktar. Din tista’ tkun waħda mill-metodi kif in-negozju Malti jista’ jikkompeti b’mod san u jikkonvinċi lill-konsumatur jixtri mingħandu għax hu joffri servizz tajjeb li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur.  Jien konvint li minn dan l-eżerċizzju se jkun qed igawdi kulħadd – in-negozji, in-nies tal-business, u aħna lkoll – aħna l-konsumaturi.

Irrid nisħaq fuq punt ieħor. Aħna l-konsumaturi rridu nagħmlu l-parti tagħna wkoll. Irridu nedukaw irwieħna dwar id-drittijiet tagħna u dwar kif għandna neżerċitawhom. Irridu nkunu konsumaturi responsabbli biex inkunu nafu verament x’għandna nistennew min-negozji u mhux nippretendu affarijiet li m’għandniex dritt għalihom.

Hu għalhekk li fix-xhur li ġejjin l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur se tibda tibgħat fid-djar pubblikazzjoni apposta bil-għan li twassal informazzjoni lill-konsumatur.  Din mhux se tkun l-ewwel u l-uniku inizjattiva ta’ dan it-tip. L-edukazzjoni tal-konsumatur issir b’diversi modi biex nilħqu kategoriji differenti fis-soċjeta’ tagħna. Lit-tfal fl-iskejjel nilħquhom permezz tad-DOLCETA – sit elettroniku li fih taqsimiet sħaħ intiżi għat-tagħlim dwar aspetti varji bħad-drittijiet u obbligi tal-konsumatur, is-servizzi finanzjarji, is-saħħa u sigurtà tal-konsumaturi, il-konsum sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali. Fis-sit għal Malta wieħed isib informazzjoni rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ pajjiżna, fosthom l-effiċjenza fl-enerġija, l-insulazzjoni tajba fid-djar, u lesson-plans għall-għalliema li jitkellmu dwar il-kuntest lokali.

Lill-adoloxxenti qed nilħquhom permezz tal-Europa Diary - djarju li jitqassam mingħajr ħlas lil kważi erba’ miljun żagħżugħ Ewropew ta’ bejn il-15 u t-18 –il. Din is-sena, madwar 10,000 student Malti u Għawdxi irċievew u qed jużaw l-Europa Diary.

Tant qed insostnu dwar l-importanza ta’ l-edukazzjoni tal-konsumatur u tant nemmnu fiha din bħala l-ewwel staffetta li għandha tevita diżappunti għall-konsumatur, li l-Awtorita’ l-ġdida se jkollha Direttorat apposta ghall-Informazzjoni, Edukazzjoni u Ricerka biex joħloq għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur u jeduka lill-konsumatur jagħmel għażliet infurmati fis-suq.

Sinjuri.

Tul it-tnax-il xahar li għaddew ħadna numru ta’ inizjattivi konkreti favur il-konsumatur. Uħud minnhom diġa rreferejt għalihom.

1. Bħall-ħidma li qed issir biex titwaqqaf l-Awtorita’ l-ġdida;

2. qed jidħlu fis-seħħ numru ta’ standards biex iħarsu l-kwalita’;

3. tfasslu linji gwida dwar kif jinżamm ċertu tip ta’ ikel qabel dan jinbiegħ;

4. daħlu fis-seħħ ir-regolamenti fuq consumer credit;

5. u bħalissa qed isir xogħol fuq ir-regolamenti fuq self fuq djar.

Ma nistax ma nsemmix ukoll…

6. ir-roħs fil-prezzijiet ta’ 129 mediċini. Qed naħdmu biex aktar mediċini jorħsu fil-ġimgħat li ġejjin.

7. saru u qed isiru investigazzjonijiet dwar prattiċi li jidhru li jistgħu ma jkunux ġusti jew anti-kompetittivi.

8. Tnediet l-applikazzjoni Howard biex tgħin lill-konsumatur jixtri b’aktar serħan tal-moħħ minn fuq l-internet

9. Qed tiddaħħal il-metroloġija legali biex nassiguraw li ħadd ma jħallas iżjed milli hu obbligat għal xi prodott li jkun xtara.

10. Dahlu fis-sehh emendi ghar-Regolamenti dwar it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi intiżi biex dan ikun aktar effettiv u jasal għal deċiżjonijiet fi żmien iqsar.

11. Beda x-xogħol fuq Liġi dwar class actions;

12. Sar stħarriġ dwar it-tendenzi u d-drawwiet tal-Maltin fuq l-ikel li jieklu.

13. Tnediet kampanja ta’ informazzjoni dwar il-marka CE;

14. Saret kampanja ta’ informazzjoni intensiva dwar ir-regolarizzazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ liftijiet.

15. Saru spezzjonijiet fi ħwienet u stabbilimenti biex ikun aċċertat li l-konsumatur qed jingħata prodotti ġenwini u ta’ kwalita’.

16. Saru spezzjonijiet biex ikun żgurat li l-prodotti mqegħda fuq is-suq huma konformi mal-liġijiet.

17. Qed isir xogħol biex jitfassal standard nazzjonali ġdid dwar l-aċċessibilita’ f’postijiet pubbliċi.

18. Kienu addottati mal-1,627 standard Ewropew. 

19. Diversi kumpaniji għaddew minn testijiet diffiċli u kisbu ċertifikazzjonijiet varji fl-immaniġġjar tal-kwalita’. 

20. Negozji li laħqu livelli għolja ta’ kwalita’ fil-prodotti u fis-servizzi li joffru lill-konsumatur ingħataw ċertifikazzjoni li tixhed dan. insetti u annimali qerrieda (Pest controllers). 

21. Se tiddaħħal il-marka ta’ fiduċja għal negozji li jsegwu kodiċi ta’ prattiċi tajba;

22. Beda x-xogħol biex jintbagħtu pubblikazzjonijiet ta’ tagħrif ġenerali lill-konsumaturi fi djarhom;

23. Se jkun introdott award annwali għall-kwalità fl-industrija;

24. Bdiet kampanja ta’ informazzjoni mal-konsumaturi u l-professjonisti tas-saħħa dwar il-mediċini.

Sinjuri.

Dan kollu juri li l-konsumatur jinsab fuq nett tal-aġenda tal-ħidma tal-Gvern f’dan il-pajjiż. Ejja naħdmu biex ikollna swieq li jaħdmu aħjar u biex insaħħu l-fiduċja fin-negozji tagħna fl-aħjar interess ta’ kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow