WIRJA TA’ XOGĦOLIJIET ARTISTIĊI LI TIPPROMWOVI R-RIŻULTATI MIKSUBA MINN PROĠETTI KO-FINANZJATI MILL-MEKKANIŻMU FINANZJARJU TAŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA (EEA) U L-MEKKANIŻMU FINANZJARJU TAN-NORVEĠJA (2004-2009)
Bħala parti minn kampanja nazzjonali ta’ pubbliċità u ta’ informazzjoni bil-għan li tippromwovi r-riżultati miksuba mill-proġetti ko-finanzjati mill-fondi mogħtija mill-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA) u l-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja (2004-2009), id-Dipartiment għall-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prioritajiet (PPCD) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru inawgura wirja artistika ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u d-Djalogu Pubbliku, l-Onor. Dr Chris Said, fetaħ uffiċjalment il-wirja fil-preżenza ta’ Ms. Inger Stoll. Ms. Stoll hija uffiċjal għoli mill-Uffiċċju ta’ dawn il-Mekkaniżmi Finanzjarji li jinsab fi Brussell. Preżenti għall-ftuħ tal-wirja kien hemm ukoll rappreżentanti tal-PPCD, li huwa d-Dipartiment responsabbli mill-ġestjoni ta’ dawn il-fondi f’Malta, kif ukoll rappreżentanti tal-entitajiet li bbenefikaw minn dawn il-mekkaniżmi.
F’din l-wirja qed jiġu esibiti l-aħjar tnax-il biċċa xogħol artistika magħmulin minn studenti fil-livell sekondarju li jattendu skejjel differenti madwar Malta u Għawdex. Bħala parti minn din l-kampanja, dawn l-istudenti żaru wieħed mill-proġetti, ingħataw informazzjoni dwar dawn il-mekkaniżmi finanzjarji u dwar il-proġetti nfushom, kif ukoll intalbu joħolqu tpinġijiet.
Permezz tal-mekkaniżmi finanzjarji tal-EEA u tan-Norveġja (2004-2009), Malta kisbet €3.6 miljun. Dawn intużaw biex twettqu seba’ proġetti differenti f’Malta u Għawdex. Dawn jinkludu t-tibdil strutturali rikjest mir-regolamenti ta’ Schengen fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta; xogħol fuq il-konservazzjoni tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni; u l-iżvilupp tal-Park ta’ Xrobb l-Għaġin li jinkludi Ċentru dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-Tnejn 11 t’April 2011, mit-Tnejn sal-Ħadd waqt il-ħinijiet ta’ ftuħ tal-mużew. Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-mekkaniżmi wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku: www.ppcd.gov.mt/eeanorwegian.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003