IL-PRESIDENT U S-SINJURA ABELA JTEMMU Ż-ŻJARA F’SAN PAWL IL-BAĦAR
“L-għaqdiet volontarji huma element fis-soċjeta li ssaħħaħ d-demokrazija” – Dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu flimkien mas-Sinjura Abela u akkumpanjat mis-Sindku Graziella Galea żaru l-lokalita` ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-President Abela filwaqt li rringrazzja lir-residenti kif ukoll l-għaqdiet tal-lokal tal-merħba sabiħa li tawh, faħħar il-komunita’ ħajja u attivita b’saħħita li teżisti. Irrefera għal-laqgħa sabiħa li kellu din il-ġimgħa fejn iltaqa’ ma’ bosta NGOs u sema’ dwar ħidmiet fl-oqsma varji: soċjali, reliġjuża u sportiva fost l-oħrajn. Il-President qal li filwaqt li fiż-żminijiet tal-lum għad hemm pajjiżi sinjuri li iżda ma jħaddnux elementi bażiċi tad-demokrazija, pajjiżna mhux biss igawdi minn demokrazija b’saħħitha iżda wkoll din kulħadd jista’ jarha preżenti f’diversi oqsma tas-soċjeta’. L-għaqdiet volontarji, kompla jgħid, huma parti integrali ta’ din id-dimokrazija u jirrapreżentaw l-aspett soċjali u karrateristika importanti tal-poplu Malti. Il-President Abela heggeg ukoll lill-ghaqdiet tal-festa lokali sabiex jahdmu lkoll flimkien u jghelbu kull divergenzi li jistghu jkollhom fil-hidma taghhom. Flimkien u bid-djalogu jisghtu jghelbu d-diffikultajiet u dan ghandu jwassal ghal gid komuni.
Il-President Abela faħħar ukoll il-ħidma tal-Kunsill Lokali u ħeġġeġ lis-sindku u l-kunsilliera sabiex flimkien mal-għaqdiet jaħdmu biex jiddentifikaw każjiet ta’ individwi li huma fil-bżonn sabiex jitressqu quddiem il-Malta Community Chest Fund.
Il-President u s-Sinjura Abela dalgħodu attendew għall-quddies tal-Ħadd filgħodu fil-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar. Il-President Abela żar ukoll il-Każin tal-Għaqda Mużikali San Pawl fejn kien il-pjaċir tiegħu jinnota għadd ta’ żgħażagħ iddedikati li qed jitħarrġu fil-mużika fi ħdan l-għaqda. Is-Sinjura Abela iltaqgħet mas-sorijiet Franġiskan u Agostinjani. Iż-żjara ġiet fi tmiem fis-Sala tal-Parroċċa fejn il-President u s-Sinjura Abela setgħu jsegwu diversi wirjiet li juru l-karatteristiċi differenti tar-raħal. Dawn kienu jinkludu wirja tal-agrikoltura, oħra ta’ St. Peter’s Foundation, għaqda ta’ sajjieda li jaħdmu flimkien b’għan filantropiku u kif ukoll wirja ta’ ħobż lokali. Għall-wirja kien hemm ukoll bosta tjur kbar li jagħmlu parti minn Bird Park fil-lokalita’ kif ukoll wirja oħra dwar il-Heritage Trail li jinsab fix-Xemxija.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003