DISKORS MINN FRANS BORG, CHAIRMAN TAL-PREMJU NAZZJONALI HADDIEM TAS-SENA 2011 – QAWRA – 12 TA’ MARZU 2011
“ U l-Kotra qamet f'daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min ikasbarni, – miskin min jidħak bija!” ”
Kien il-25 ta' Marzu 1945, meta waqt partita futbol bejn Malta u t-tim Jugoslav ta' Hajduks li ntlagħbet fil-grawnd tal-Gżira il-banda daqqet l-innu tal-Jugoslavja, u wara l-innu tal-Gran Brittanja, minħabba li Malta kienet għadha stat kolonjali.
Izda n-nies qamu f’daqqa u ghajtu:
Lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha,
Ħares, Mulej, kif dejjem Int ħarist:
Ftakar li lilha bl-oħla dawl libbist.
Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha,
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa 'l-ħaddiem:
Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.
Fis-27 ta' Diċembru 1922 indaqq għall-ewwel darba dak li fit-22 ta’ Frar 1941, proprju 70 sena ili, kien dikkjarat l-Innu uffiċjal ta’ Matla. Innu-talba li fih il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila talab għall-ħaddiema b’saħħithom u imweġġħa minn min iħaddimhom. Haddiema li jaqilgħu l-għixien tagħhom u ta’ familthom f’pajjiż imseddaq bl-għaqda u s-sliem. Pajjiż li fih l-batut u ż-żgħir ikun imkwieżen, l-anzjan imwenes, l-persuna f’disbilita’ mogħnija bi dittijiet mhux pjaċiri, u ż-żagħżugħ iħaddan l-għerf u t-tagħrif. Soċjeta’ b’saħħitha mibnija fuq l-għaqal tax-xogħol u l-għaraq tal-ħaddiem.
U nistaqsi. X’valur għandu x-xogħol? Ix-xogħol hu u jibqa’ attivita’ tajba mhux biss għaliex hu ta’ siewi fih innifsu imma għax jagħti dinjita’ lill-ħaddiem li jwettaq ħidmietu kuljum. Bix-xogħol ma jinbidilx biss pajjiż iżda jinbidel u jissaħħaħ l-individwu.
Ix-xogħol hu dritt uman. Hu l-ħidma ta’ individwi u għalhekk ma għandu qatt jitqies biss bħala mezz kif wieħed jistana’, l-aktar u aktar minn fuq għajru. Il-ħaddiem mhux biċċa għodda, li tuza’ u tuża’ sakemm teqdiem u tgħarmiha kif l-użu tagħħha jnin. Il-ħaddiem hu valur fih innifsu, u ghalhekk il-valur tax-xogħol irid jisseddaq u jitwaħħad mal-valur tal-ħaddiem. It-tnejn huma l-uċuh tal-istess munita. Il-valur tax-xogħol ma jitqies biss fuq il-ħidma imwettqa imma fuq il-persuna li qed twettaq din il-ħidma. Ix-xogħol hu għall-ħaddiem u mhux il-ħaddiem għax-xogħol. Ejjew ma npoġġux il-karru qabel il-ħmar għax hu l-ħaddiem li jgħodd.
Ix-xogħol inbidel u żviluppa mal-mgħodija taż-żmien imma l-ħaddiem baqa’ ħaddiem kemm jekk jilgħeġ fix-xemx jew komdu taħt l-arja ikkondizzjonata. U nħoss li hu dover tagħna lkoll li nieqfu kontra kull irregolarita’ etika jew soċjali fuq il-bank tax-xogħol. Il-ħaddiem mhxu għar-rimi. Kienu proprju dawn l-irregolaritajiet, trattament degradanti, esplojtazzjoni, nuqqsas ta’ sigurta’ u ħlass bil-loqom li matul is-sekli mgħoddija, mbuttaw lill-ħaddiema biex ġustament jingħaqad għalenija biex jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt. Ta’ qabilna għexu l-qawmien tal-movimenti tredjunjonisti, jien għixt is-Solidarnox.
Kienet din is-solidarjeta’ li b’ilgri ġabet bidliet qawwija favur kundizzjonijiet aħjar, pagi diċenti u legislazzjoni soċjali. Il-kaz li l-ħmar beda tassew jitqiegħed quddiem il-karettur, fejn għandu jkun.
.Ħarisna lejn ix-xogħol u l-ħaddiem. Ippermettuli nitfa’ issa ħarstti ftit ‘l hinn, lejn il-familja tal-ħaddiem li jikber u jisseddaq fi ħdana. Ix-xogħol hu blatt samm li fuqu tinbena familja, l-għajn li tnixxi ulied. L-ulied l-ewwel iridu l-pappa imbagħad l-umpappa. U għalhekk il-familja hi l-perm ewlieni li tkabbar l-etika tax-xogħol bħal ma għandha tissaħħaħ ir-rieda ta’ dawk li wara l-ħolqien tax-xogħol jaraw il-persuna u lil familtu. Inkomplu nimirħu u nħarsu lejn il-familja f’kuntest aktar wiesa Il-familja hi parti minn soċjeta’, minn nazzjoni, il-benniena ta’ kull għerf u tagħlim, tal-valuri li jmexxu ġenerazzjonijiet sħah ‘il quddiem f’mixja storika u kulturali. Familja b’saħħitha tħaddan soċjeta’ b’saħħitha. Fejn il-familja tnin, titmermew il-fibra ta’ l-istess socjeta’. Imbagħad tassew ngħixu l-vers: Ibku lilkom u lil uliedkom. Kulħadd hu parti minn socjeta’, u kulħadd għandu r-responsabilta’ individwali u kollettiva li jimbotta liċ-ċivilta’ ‘l quddiem. Kos kemm kellu raġun min tenna li għandna nfittixu x’se nagħtu mhux x’se nijeħdu mis-socjeta’ li ddawwarna. L-altruiżmu jisboq bil-kbir l-egoismu.
U nerġa għall-ħaddiem. Mhux veru li l-ħaddiem onest jagħma u jiġri wara flus li jiġbor mix--xogħol. Dan iva hu importanti u meħtieġ. Imma l-ħaddiem bieżgħel ifittex li jingħata l-ispazju biex jaqsam ir-responsabilta’ tal-proċess tax-xogħol. Ix-xogħol isir parti vitali minn ħajtu, mill-personalita’ tiegħu li la tinxtara u l-anqas tinbiegħ. Iva, nemmen li l-ħaddiem jimpurtah mil-lant tax-xogħol tiegħu u jekk jitħalla jagħmlu tiegħu. Rajt ħaddiema imbikkija għax neżzżawlhom dan l-orgolju. Aktar ma l-ħaddiem jingħata responsabilta’, dinjita’ u għarfien aktar jagħti il-mija fil-mija tiegħu.
Hu obbligu ta’ kull Stat li joħloq xogħol u xogħol aħjar għal dawk kollha li jridu u jifilħu jaħdmu u li jaħdem sfiq ħa jġib fijx-xejn in-nuqqas ta’ xogħol. Iżda sakemm dan iseħħ l-Istat irid iwieżen lil min ġenwinament qed ifittex ix-xogħol u jrażżan lil min b’kull mezz jipprova jabbuża. L-istess irid jara li joħloq opportunitajiet ta’ taħrig biex mhux biss ikollna ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol imma jkonna ħaddiema impejegabbli.. Ix-xogħol hu obbligu u dritt.
Hu dritt ukoll li wieħed jissieħeb f’għaqdiet tal-ħaddiema. Għaqdiet li jiġġildu għal ġustizzja soċjali, ġlieda favur il-ġid kumnuni aktar milli ġlieda kontra min joħloq ix-xogħol. L-għan ta’ kull għaqda tal-ħaddiema trid tkun li teqred l-inġustizzja mhux lin-naħa l-oħra. Ix-xogħol għandu jgħaqqad lin-nies mhux il-kontra. U anke jekk l-ħaddiema jingħaqdu biex flimkien jħarrsu l-interessi tagħhom , dan ma għandu qastt ifisser, jekk mhux sitwazzjonijiet straordinarjii, li l-għaqda tal-ħaddiema tbarri r-rwol tagħha li tħares l-ordni Socjali u s-solidarjeta’. Il-qagħda ekonomika tal-pajjiz u tal-intrapiżza jgħoddu. Nemmen li ħadd ma għadnu għamad fuq għajnu.
Ma nistax ninsa lill-persuni b’disabilita’ li għandu jkollhom drittijiet mhux pjaċiri, persuni li jistħoqqilhom kull support sabiex igawdu l-ħajja ekonomika u soċjali bl-aħjar mod possibli. Ma għandna qatt niddiskrimkinaw favur min naħsbu li hu b’saħħtu u nbbarru oħrajn li jidrilna li ma jistgħux jagħtuna l-mija fil-mija. Ħadd hu għar-rimi. Jekk nagħmlu hekk inkunu biss qegħdin inpoġġu l-qligħ qabel il-persuna. Tali persuni bi dritt jitolbu paga ġusta, il-possibilta’ li jkomplu jimxu ‘l quddiem fil-karriera, it-tneħħija ta’ kull xkien. Iridu jħossuhom tassew li huma ħaddiema utli fuq il-post tax-xogħol tagħhomu jaghtu s-sehem shih taghhom, u fis-socjeta’ in generali. Huma wkoll għandhom dritt jikbru fil-personalita’ tagħhom u fil-qafas tal-familji tagħħom. Intenni bi dritt mhux bi pjaċir.
Hekk biss nibnu soċjeta, inklussiva, socjeta b’saħħitna fejn int u jien ngħixu u mhux neżistu flimkien. Socjeta’ il-ħakkiem hu mimli dehen, is-sid ħanin, il-ħaddiem b’saħħtu u stmat u l-maltin imseddqa fil-għaqda u s-sliem.
Grazzi. Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003