DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA WAQT IL-KONFERENZA PREMJU NAZZJONALI HADDIEM TAS-SENA 2011 – QAWRA – 12 TA’ MARZU 2011
Sinjuri.
Qabel xejn nixtieq nirringrazzjakom talli ingħaqadtu hawnhekk illum u talli lqajtu l-istedina biex tattendu għal din il-Konferenza li qed issir bħala parti mill-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2011.
Il-Premju Ħaddiem tas-Sena mhu xejn ħlief turija ta’ apprezzament għad-dedikazzjoni, l-impenn u l-bżulija tal-ħaddiem Malti. Huwa l-mod kif nirringrazzjaw lill-ħaddiem Malti u nonoraw ħidmietu. Huwa unur għalija li għall-ewwel darba dan il-Premju qed jiġi organizzat mis-Segretarjat Parlamentari tiegħi
It-tema li se nkunu qed niddiskutu llum hi sempliċi biex tifhimha, iżda mhux daqstant faċli biex twettaqha.
‘Bix-xogħol ninvestu f’soċjeta’ b’saħħitha - Għalik.’
Hawn l-enfasi qiegħda fuq ix-xogħol u fuq l-investiment. Minn dawn jiddependi s-suċċess tagħna bħala individwi f’soċjeta’ u s-suċċess tagħna bħala nazzjon.
L-aġenda tal-Gvern hi ddettata mill-interess nazzjonali li jitkattar l-investiment u li jinħoloq ix-xogħol. Dawn kienu u jibqgħu il-miri ewlenin tal-ħidma ta’ dan il-Gvern L-inizjattivi li qed jittieħdu huma kollha intiżi bħala investiment f’soċjeta’ b’saħħitha.
Ir-riżultati li ksibna bejn l-2008 u l-2010, minkejja li dan kien żmien mimli b’inċertezza minħabba r-riċessjoni internazzjonali u minħabba l-prezzijiet għolja taż-żejt, huma turija tal-fatt li dan l-għan qed jintlaħaq.
IMPJIEGI U INVESTIMENT
Fit-tliet snin li għaddew, l-ETC kellha disgħa u għoxrin elf u seba’ mitt (29,700) vacancy registrati magħha minn min iħaddem. F’dan il-perjodu l-ETC sabet impjieg lil ħdax-il elf u disa’ mitt (11,900) ruħ. Tmintax-il elf u seba’ mija u ħamsin (18,750) ruħ daħlu f’impjieg full-time għall-ewwel darba.
Pajjiżna qed joħloq ix-xogħol għax qed nattiraw l-investiment. Kumpaniji jagħżlu lil Malta għax hi stabbli u għax għandha ħaddiema mħarrġa u kapaċi. Fil-qasam tal-avjazzjoni, li hu settur ġdid u li qed jikber, investew tmien kumpaniji differenti fosthom il-Lufthansa Technik, l-SR Technics, id-DC Aviation, l-Aeromaritime u oħrajn. Bejniethom dawn impjegaw elf u mitt (1,100) ħaddiem.
L-investiment mill-industrija tal-avjazzjoni hu wieħed kbir. Iżda din l-industrija mhux l-uniku waħda li qed trendi. Fit-tliet snin li għaddew, permezz tal-Malta Enterprise, il-Gvern approva 99 investiment ġdid. Dawn jinkludu 51 fabbrika ġdida u 48 fabbrika li kabbru. Kważi nofs dawn il-kumpaniji huma b’investiment barrani.
Il-fabbriki fis-settur farmaċewtiku żdiedu għal 90. Bejniethom dawn iħaddmu elf u erba’ mitt (1,400) ruħ fuq bażi full-time. L-impjegati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji issa jlaħħqu d-disat elef u sitt mija (9,600), riżultat tal-fatt li matul l-2010 is-settur finanzjarju kiber b’aktar minn 30 fil-mija.
Lill-investitur Malti wkoll tajnih l-għajnuna kollha biex jimrah. Mal-erbat elef u tmien mitt (4,800) investitur, il-maġġoranza assoluta tagħhom Maltin u Għawdxin, ingħataw mija, sebgħa u tmenin (187) miljun ewro fi grants finanzjarji jew tax credits biex jinvestu u jżidu l-impjiegi.
TURIŻMU
Meta nkunu qed nitkellmu dwar ix-xogħol ma nistgħux ma nirreferux għat-turiżmu – industrija li għadha u tibqa’ l-aktar industrija importanti għal pajjiżna.
Fl-2010 żaru Malta miljun u tliet mitt elf turist, żieda ta’ 12.7 fil-mija fuq l-2009. It-turisti qattgħu 11-il miljun lejl f’pajjiżna – żieda ta’ 12 fil-mija. Aktar importanti minn hekk, it-turisti nefqu biljun u mitt miljun ewro – żieda ta’ 22 fil-mija. B’sena rekord bħall-2010 fit-turiżmu, kien ġenerat aktar negozju u nħoloq aktar xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dawn ir-riżultati huma sforz il-ħidma ta’ kulħadd – Gvern, Airmalta, lukandiera, sidien ta’ negozji, Heritage Malta, Kunsilli Lokali u l-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-industrija. Kollha ħdimna flimkien biex tejjibna l-pakkett li qed noffru u biex lit-turist nagħtuh valur għal flusu.
Nittamaw li fir-reġjun tal-Mediterran tirritorna l-istabbilita’ malajr kemm jista’ jkun b’tali mod li l-industrija tat-turiżmu tibqa’ tvinċi.
SALVAJNA L-IMPJIEGI
Dan il-Gvern ħadem biex joħloq l-impjiegi. Iżda nixtieq infakkarkom li ħadem ukoll biex kienu salvati ħamest’elef (5,000) impjieg fil-manifattura. Il-Gvern intervjena biex jgħin kumpaniji li naqsulhom l-ordnijiet minn barra. Permezz ta’ din l-għajnuna, il-kumpaniji żammew lill-ħaddiema li reġgħu bdew jaħdmu ġimgħa sħiħa u investew aktar. Fost il-kumpaniji li ngħataw l-għajnuna kien hemm Stainless Steel, Trelleborg, Toly Products, Methode Electronics u l-ST Microelectronics.
GĦAWDEX
L-istatistika li rreferejt għaliha tinvolvi l-pajjiż kollu. Minkejja l-insularita’ doppja u minkejja d-diffikultajiet tal-gżira Għawdxija, l-impjiegi xorta tkattru. Dan riżultat tal-impenn u l-ħidma tal-Gvern biex jassigura li jagħti imbuttatura akbar lil Għawdex. Matul it-tliet snin li għaddew, seba’ mija u għoxrin (720) Għawdxi daħlu f’impjieg permezz ta’ skemi mill-ETC. U elfejn u sitt mitt (2,600) Għawdxi ipparteċipaw f’korsijiet ta’ taħriġ organizzati mill-ETC.
TAĦRIĠ U EDUKAZZJONI
Fid-dinja tal-lum it-taħriġ hu essezjali. Fit-tliet snin li għaddew il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ħaddmet disa’ skemi biex ħaddiema jidħlu f’impjieg. Il-lista tinkludi:
• L-Employment Aid Scheme
• Il-Gozo Employment Aid
• Il-Community Work Scheme, l-Active Youth Scheme
• u l-Private Sector Placement Scheme
Permezz ta’ dawn l-iskemi l-ETC tgħin nies li kienu f’diffikulta’ biex isibu impjieg filwaqt li fi skemi oħra tħallas parti mill-paga jew mill-bolla biex tiffaċilita’ l-impjieg.
Fid-dawl tal-kriżi internazzjonali l-ETC żiedet it-taħriġ li tat lill-ħaddiema. B’kollox ingħata taħriġ lil sebgħa u għoxrin elf u sitt mitt (27,600) ruħ.
Biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom il-kwalifiċi meħtieġa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol bl-aqwa mod qed niffukaw fuq l-opportunitajiet edukattivi. L-università, l-MCAST, istituzzjonijiet oħrajn ta’ taħriġ u edukazzjoni qed jipproduċu ġenerazzjoni ta’ gradwati lesti biex jagħmlu suċċess mill-isfidi li se jsibu fil-qasam tax-xogħol.
Qed nallokaw kull sena ammonti kbar ta’ flus sabiex inħajru studenti jispeċjalizzaw – permezz ta’ boroż ta’ studji f’kull livell – mill-ewwel degree sa dottorat. Bejn l-2006 u l-2010 pajjiżna se jkun ta elf u erbgħa u disgħin (1,094) borża ta’ studju. Is-sena li għaddiet kellna rekord ta’ boroż ta’ studju... total ta’ erba’ mija u tnejn u tletin (432).
L-EKONOMIJA
Il-ħolqien ta’ ambjent san li fih kumpaniji jkunu jistgħu joperaw u jimirħu, iwassalhom biex jagħmlu l-qligħ, jinvestu u jkattru ix-xogħol. B’hekk l-ekonomija tikber. Bejn Lulju u Settembru tas-sena li għaddiet, Malta rreġistrat tkabbir ekonomiku ta’ 3.7 fil-mija – rata li hi ogħla mill-medja tal-UE u taz-Zona Ewro. Għar-raba’ kwart konsekuttiv, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’mod konsistenti b’rata aktar mgħaġġla mill-medja tal-UE.
Fl-ewwel ħdax-il xahar tal-2010, l-esportazzjoni kibret bi 32 fil-mija li tfisser li Malta qed tesporta medja ta’ €44 miljun aktar fix-xahar. Kien reġistrat tkabbir fil-manifattura, fis-servizzi finanzjarji u fit-turiżmu.
Dan kollu jfisser li l-ekonomija ta’ pajjiżna reġgħet qabdet ir-ritmu, li qed ikun attirat l-investiment u li qed jinħoloq ix-xogħol. Ifisser ukoll li aktar nies qed jaħdmu. L-istatistika dwar dawk li jaħdmu bi qliegħ turi li dawn żdiedu b’elf, ħames mija u ħmistax (1,515). Aktar minn hekk, Malta għandha r-raba l-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa – 6.3 fil-mija.
ID-DĦUL TAL-ĦADDIEMA
Minbarra li assigurajna aktar xogħol u xogħol aħjar għall-ħaddiema tagħna, assigurajna wkoll dħul aħjar għall-ħaddiema tagħna.
Ma rridux ninsew li fl-2009, għat-tielet sena wara l-oħra, il-Gvern kompla naqqas l-income tax. Bit-tnaqqis li sar, min jagħmel dikjarazzjoni waħdu ma jħallas xejn fuq l-ewwel €8,500 u min jagħmel dikjarazzjoni konġunta ma jħallas xejn fuq l-ewwel €11,900.
Tajjeb inżommu f’moħħna wkoll li fl-2010 il-paga medja tal-ħaddiema żdiedet b’4.8 fil-mija.
Kull omm li diġa taħdem jew m’ilhiex nieqsa minn impjieg ħames snin u tidħol lura għax-xogħol wara li jkollha t-tfal, tingħata sena mingħajr taxxa għal kull wild li twieled mill-2007 ‘l hawn. Sebat’elef, ħames mija u wieħed u għoxrin (7,521) omm diġa gawdew mis-sena tnaqqis fl-income tax. Bejniethom dawn iffrankaw mas-seba’ miljun ewro u nofs.
KONKLUZJONI
Dawn ir-riżultati qed jinkisbu minkejja l-isfidi u d-diffikultajiet li qed niltaqgħu magħhom – kemm internazzjonalment kif ukoll lokalment. Huma grazzi għal direzzjoni għaqlija u għall-għaraq ta’ xbin il-ħaddiem Malti u Għawdxi.
Il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, tal-gass, tal-fuels, tal-ikel u ċ-ċereali, ma jagħmluhiex faċli biex l-ekonomija tal-pajjiż tibqa’ sejra tajjeb. Possibilment issa għandna quddiemna wkoll l-isfida ta’ gwerra ċivili ftit mili ‘l bogħod minn xtutna.
Iżda persważ li l-ħaddiem Malti se jagħraf jegħleb din l-isfida wkoll. Konvint li l-Gvern, u l-entitatjiet bħall-Malta Enterprise, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, u oħrajn, se jkomplu jaħdmu biex f’pajjiżna jiżdied l-investiment barrani, jitkattar ix-xogħol u jiżdiedu l-ħaddiema li jingħataw taħriġ. Hekk biex inkunu qed nassiguraw kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, u fl-istess ħin inkunu qed nilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003