IL-GVERN JIFFINANZJA ATTIVITAJIET SPORTIVI FIL-LOKALITAJIET
Matul l-2011 il-Gvern, permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Kunsill Malti għall-Isport, se jkun qed jiffinanzja 103 programm ta’ attivitajiet sportivi mtella’ minn 27 Kunsill Lokali u żewġ Kumitati Amministrattivi. Dan se jagħmlu permezz tal-Iskema ta’ Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali 2011. Bejniethom il-Gvern u l-Kunsilli Lokali se jkunu qed joħorġu €120,000.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Iskola Primarja tal-Birgu u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said.
Preżenti wkoll għal din it-tnedija kien hemm l-ogħla uffiċjali tal-Kunsill Malti għall-Isport, id-Direttur għall-Gvern Lokali, Sindki u Segretarji Eżekuttivi minn Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin. L-Iskema ta’ Inizjattivi Sportivi fil-Lokalitajiet 2011 hi amministrata bi sħab bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Waqt id-diskors tiegħu is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li din l-Iskema tkompli tgħin fil-missjoni tal-Gvern li jxettel kultura sportiva fis-soċjetà minħabba l-fatt li l-programmi sportivi tal-Kunsill Malti għall-Isport qed jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali fil-komunitajiet. Dan qed isir bil-għan li jintlaħqu firxa akbar ta’ nies ta’ kull eta’.
Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli semma kif din l-Iskema qed tikseb aktar poplarità mal-Kunsilli Lokali tant li għall-edizzjoni tal-2011 il-Kunsilli Lokali se jkunu qed itellgħu 103 programm sportiv. Puli sostna li permezz ta’ dawn il-programmi sportivi offruti mill-KMS, il-Gvern qed jinvesti biex jikkultiva soċjetà attiva u fiżikament u mentalment b’saħħitha.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvern qed jinċentiva lill-Kunsilli Lokali biex jaqdu l-funzjonijiet ġodda li kisbu b’riżultat tat-tiġdid. L-Iskema ta’ Attivitajiet Sportivi fil-Lokalitajiet hi waħda minn firxa usa’ ta’ skemi li huma mfassla apposta biex jgħinu lill-Kunsilli Lokali jwettqu ħidma u jorganizzaw attivitajiet b’riżq il-komunitajiet li jirrappreżentaw.
Is-Segretarju Parlarmentari Chris Said qal li b’riżultat tal-politika mħaddma mill-Gvern, il-Kunsilli Lokali qed jaħdmu dejjem aktar mill-qrib mal-għaqdiet u s-soċjetajiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom sabiex jilħqu livelli dejjem għola. Min-naħa tagħhom ir-residenti qed iħossuhom dejjem aktar parteċipi f’dak li jorganizza l-Kunsill Lokali.
Il-Kunsilli Lokali li se jgawdu minn din l-Iskema huma l-Belt Valletta, il-Birgu, Ħal Qormi, Iż-Żejtun, ir-Rabat (Għawdex), Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Fgura, il-Floriana, il-Fontana, il-Gudja, Għajnsielem, l-Għarb, Ħal Għargħur, Ħal Għaxaq, l-Iklin, Ta’ Kerċem, Marsaxlokk, il-Munxar, in-Nadur, in-Naxxar, Ħal Safi, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija, iż-Żurrieq u l-Imtarfa. Il-Kumitati Amministrattivi huma x-Xlendi u Baħar iċ-Ċagħaq.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003