IL-PRESIDENT GEORGE ABELA INIEDI IL-PREMJU TAL-PRESIDENT GĦALL-KREATTIVITÀ
Il-Palazz tal-President, il-Belt, illum kien trasformat f’festa ta’ arti u kreattività waqt li ġie mniedi il-Premju tal-President għall-Kreattività.
“Li qed naraw hawnhekk illum hija l-ħolma tagħna, fejn grazzi għall-vot ta’ 70 elf Ewro ġie stabillit dan il-fond bl-iskop li jinkoraġġixxi iktar l-arti fit-tfal u ż-żgħażagħ. F’pajjiżna għandna nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ għax min qed isib diffikultà biex jimxi fl-arti tiegħu, illum, permezz ta’ dan il-premju se tingħata l-għajnuna. Jiena nħoss li l-President huwa kustodju tal-wirt artistiku nazzjonali u għalhekk naħseb li l-Presidenza għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-arti fil-gżejjer Maltin, speċjalment fost iż-żgħażagħ u t-tfal.” Dan qalu l-President George Abela waqt li dalgħodu tkellem dwar il-Premju tal-President għall-kreattività. Esprima li l-arti tista’ tieħu ħafna forom ta’ kreattività. Tista’ tkun pittura, skultura, mużika, teatru, danza, letteratura, disinn tal-ħwejjeġ jew oġġetti dekorattivi u elf ħaġa oħra. L-akbar valur tal-arti huwa l-espressjoni ta’ dak li jħoss l-artist. L-arti tibqa’ arti anki jekk l-artist ma juriha lil ħadd imma huwa ta’ sodisfazzjoni għall-artist li x-xogħol tiegħu jiġi esebit u apprezzat. Il-President Abela żied jgħid li t-tfal, iż-żgħażagħ u l-komunità importanti jsibu min iħeġġiġhom għall-istudju tal-arti u li min jipprometti jiġi mgħejun.
Dan il-premju qed jiġi mwaqqaf fil-kuntest ta’ inizjattiva nazzjonali sħiħa sabiex jikber ir-rikonoxximent tal-kontribut tal-kultura u tal-arti lejn is-soċjetà u sabiex joffri rikonoxximent importanti lit-talent kemm meta jkun qed jitfaċċa fit-tfal kif ukoll meta jkun wasal sabiex joħroġ fuq livell professjonali fiż-żgħażagħ. Il-premju jinkoraġġixxi u joffri wkoll rikonoxximent għall-funzjoni u l-validità tal-ħidma ta’ NGOs, għaqdiet u organizzazzjonijiet, kemm dawk li jaħdmu fil-qasam soċjali kif ukoll dawk artistiċi u kulturali, fil-ħidma tagħhom lejn titjib fis-soċjetà u fil-ħajja tal-membri vulnerabbli tagħha. Il-Premju jipprovdi fondi u għajnuniet varji lil tfal u żgħażagħ li ħafna drabi isibu rwieħhom f’diffikultajiet, u li minħabba f’hekk iwaqqafhom milli jikkonsidraw l-iżvilupp artistiku u kreattiv tagħhom bħala aspett importanti ta’ ħajjithom.
Kien għal dan l-iskop li ġie mniedi dan il-premju u, “nista’ ngħid, li sibna mill-ewwel is-sostenn tal-Gvern li pprovda l-fondi sabiex dan il-premju annwali seta’ jiġi stabbilit,” temm jghid il-President Abela fil-waqt li rringrazzja lil Grupp ta’ Ħidma għall-Ekonomija Kreattiva fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment kif ukoll it-Taqsima tal-Kultura u s-settur awdjo viżiv tas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent, u Kultura fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit www.president.gov.mt jew iċempel 21226226.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003