L-IMPENN TAS-SETTUR PRIVAT HU IMPORTANTI GĦAS-SUĊĊESS TA’ EKO-GĦAWDEX
‘Il-promozzjoni tal-viżjoni eko-Għawdex hija wkoll marbuta maż-żieda fl-għarfien dwar l-importanza u l-ħtieġa li s-settur privat jikkontribwixxi b’mod dirett permezz ta’ inizjattivi privati li jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fit-twettiq tal-pjan ta’ azzjoni 2010-2012 fir-rigward ta’ din il-viżjoni’. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, meta kienet qed tintroduċi sistema innovattiva ta’ trattament ta’ ilma u diżinfettar ġewwa l-lukanda Kempinski San Lawrenz, f’Għawdex. Il-Ministru spjegat kif l-ilma hu riżors ewlieni tal-gżejjer tagħna u huwa wieħed mill-elementi li qed jiġu trattati wkoll mill-pjan ta’ azzjoni eko-Għawdex.
Huwa għalhekk li l-Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattiva meħuda minn din il-lukanda, li integrat proċess innovattiv, li juża prodott ekoloġiku biex itejjeb il-kwalità tal-ilma tal-vit, fis-sistema tat-trattament tal-ilma ġewwa l-istess lukanda. Dan huwa proġett pilota li qed jintuża l-ewwel darba wara li ġie mniedi minn kumpanija Belġjana u kiseb l-approvazzjoni u rikonoxximent bħala prodott ekoloġiku li jirrispetta l-ambjent u l-ħarsien tas-saħħa mill-Unjoni Ewropea.
Din hija inizjattiva oħra minn sensiela ta’ inizjattivi li jirrispettaw l-ambjent li ġew meħuda minn din il-lukanda bħala parti mill-impenn tagħha biex tippromwovi turiżmu ekoloġiku. B’hekk kisbet iċ-ċertifikazzjoni ‘eco’ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Filwaqt li tenniet l-apprezzament tagħha għall-interess li ħa s-settur privat Għawdxi fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-viżjoni eko-Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li dan l-interess kompla jiġi msaħħaħ b’parteċipazzjoni attiva f’diversi oqsma. ‘L-impenn kollettiv jassigura li din il-viżjoni tiġi mibdula f’realtà kemm għall-benefiċċju tal-gżira ta’ Għawdex kif ukoll għall-ġid tal-pajjiż kollu’, temmet tgħid il-Ministru għal Għawdex.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003