Left arrow Go Back

IMĦABBRA REGOLAMENTI ĠODDA LI SE JDAĦĦLU L-OBBLIGU TAL-IDENTIFIKAZZJONI ELETTRONIKA TAL-KLIEB

pr0454
Date Icon 09/03/2011

Illum il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, George Pullicino, ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkunu ppublikati regolamenti ġodda li se jdaħħlu fis-seħħ l-obbligu li l-klieb kollha jkunu rreġistrati kif ukoll microchipped. B’hekk ikun jista’ jinħoloq reġistru sħiħ tal-informazzjoni rigward il-klieb b’mod elettroniku.

L-għan prinċipali ta’ dawn ir-Regolamenti hu;

• Biex ikun hawn aktar kontroll fuq il-klieb ħalli jkollna anqas klieb mitluqa fit-toroq.

• Anqas periklu għas-saħħa pubblika.

• Anqas tixrid ta’ mard serju fost il-klieb.

• Tinħoloq database ċentrali b’reġistru sħiħ tal-informazzjoni rigward il-klieb.

Din is-sistema tal-microchipping tikkonsisti minn ċippa zgħira ħafna injettata taħt il-ġilda tal-kelb intrascapulae (bejn ix-shoulder blades). Din iċ-ċippa jkollha fiha numru ta’ identifikazzjoni uniku għal kull kelb.  Dan in-numru hu abbinat mad-dettalji tas-sid fid-database nazzjonali (National Livestock Database). Is-sidien jingħataw riċevuta mill-Veterinarju tal-għażla tagħhom li japplika l-microchip, u wara dan il-proċess id-Dipartiment joħroġ liċenzja għal kull kelb li tintbagħat lis-sid bil-posta. Il-Liċenżja sservi għal kemm idum ħaj il-kelb. Jekk il-kelb jibdel is-sid trid issir notifikazzjoni mad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju fi żmien 7 ijiem. F’dan il-każ tinħareġ liċenzja ġdida mingħajr ħlas.  Dan għandu jservi sabiex ikun hemm kontroll fuq il-moviment tal-klieb sabiex jiġi evitat tixrid ta’ ċertu mard serju.

Għal dawn l-aħħar ħamsin sena, il-liġi kienet tipprovdi li lis-sidien tal-klieb kienet tinħarġilhom liċenzja mill-Pulizija kull sena bi ħlas annwali ta’ €2.33. Sfortunatament, din is-sistema tidher li mhix daqstant effettiva għall-fatt li sas-sena 2010 kull ma kienu rreġistrati mal-pulizija kienu biss ftit aktar minn 5,000 kelb. Għalhekk hu ovvju li l-maġġoranza tal-klieb preżenti f’Malta mhumiex reġistrati. Hu kkalkulat li kelb jgħix minn tal-anqas 10 snin għalhekk is-sidien sal-lum kienu obbligati li jħallsu €23.30 fuq 10 snin. Din is-sistema issa ser tispiċċa u dan il-ħlas mhux ser isir.

Għalhekk dawn ir-regolamenti ġodda bl-infurzar tal-microchipping il-vantaġġi se jkunu li:

• Kelb li jintilef jista’ jerġa’ jigi rritornat lil sidu faċilment permezz ta’ apparat apposta li jaqra l-microchip ta’ ġol-kelb

• Din isservi ta’ deterrent għas-sidien tal-klieb li jkunu bi ħsiebhom jabbandunaw lill-kelb tagħhom peress li dawn issa jistgħu jinqabdu b’mod aktar faċli u jiġu akkużati taħt l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali

• Iservu ta’ deterrent ukoll vis-à-vis l-organizzazzjoni ta’ ġlied tal-klieb minħabba l-faċilità li jiġi identifikat sid il-kelb

• Anke f’każijiet ta’ attakki fuq individwi jew annimali oħrajn, sid il-kelb jista’ jiġi identifikat

• Tnaqqis fin-numru ta’ klieb li jiġġerrew fit-toroq (stray dogs)

Dawn ir-regolamenti għalhekk jipprovdu li fi żmien sena, kull min għandu kelb irid jirreġistrah billi jieħdu għand veterinarju tal-għażla tiegħu sabiex isir il-microchipping.  Il-prezz għall-microchipping ser ikun ta’ €10 għall-klieb imsewwija u €20 għal dawk li mhumiex imsewwija. Dan il-ħlas jinkludi l-microchip, l-injezzjoni tagħha u l-liċenzja. Id-distinzjoni fil-prezz hi mibnija fuq il-kunċett li annimal mhux imsewwi għandu potenzjal li joħloq strays fil-futur. Persuni nieqsa mid-dawl li jżommu klieb gwida (guide dogs) tinħarġilhom liċenzja mingħajr ħlas. Il-klieb li jiġu rreġistrati taħt din is-sistema ġdida għandhom jitlibbsu midalja (badge) li fuqha jkun hemm il-contact number tas-sid. Dan juri li l-kelb huwa rreġistrat u lliċenzjat skond il-liġi. Id-Dipartiment fil-ġimgħat li ġejjin se jippublika ktejjeb b’informazzjoni dwar l-obbligi marbuta ma’ din il-liġi.

Sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm abbuż tas-sistema, ir-regolamenti jaħsbu wkoll għal numru ta’ multi. Dawn il-multi jidħlu fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi segwenti:

• Kull persuna li jkollha fil-pussess tagħha kelb u li fiż-żmien stipulat ma tirreġistrax dak il-kelb skont dawn ir-regolamenti, jew li tagħti informazzjoni skorretta, inkompleta jew falza fil-formola ta’ reġistrazzjoni tkun ħatja ta’ reat u tista’, meta tinsab ħatja, teħel multa ta’ €300.

• Fl-eventwalità li kelb li jkun ġie reġistrat u liċenzjat jirriżulta li ċ-ċippa ma tistax tinqara, is-sid jew il-persuna li jkollha fil-pussess tagħha dan il-kelb jeħel multa ta’ €500 sakemm ma jiġix ippruvat li ċ-ċippa għadha preżenti fil-kelb.

• Ir-Regolamenti jipprovdu ukoll multa ta’ €500 fil-każ ta’ veterinarji li jipprovdu informazzjoni skorretta fir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-klieb.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fuq in-numru 2295 2170.

pr0454.pdfpr0454.pdf
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow