SEMINAR F’GĦAWDEX BIT-TEMA ‘INSAĦĦU L-FIDUĊJA BEJN IL-KONSUMATUR U N-NEGOZJI’ – IS-SELF MILL-BANEK GĦAL XIRI TA’ DJAR SE JKUN REGOLAT AĦJAR FL-INTERESS TAL-KONSUMATUR
Bħalissa għaddejja ħidma biex jitfasslu regolamenti dwar self mill-banek għal xiri ta’ djar (home loans) sabiex anki f’dan il-kuntest il-konsumatur ikollu livell ogħla ta’ protezzjoni milli għandu, meta jiġi biex jagħmel waħda mill-aktar deċizjonijiet importanti u jissellef biex jixtri dar.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta Chris Said meta kien qed jindirizza seminar f’Għawdex. Is-seminar hu wieħed mill-attivitajiet organizzati mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur bit-tema ‘Insaħħu l-Fiduċja bejn il-Konsumatur u n-Negozji’.
Chris Said qal li f’Ottubru tas-sena li għaddiet iddaħħlu regolamenti dwar consumer credit li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur meta jiġi biex jissellef il-flus minn banek u entitajiet kummerċjali oħra. Dawn taw drittijiet ġodda lil dak il-konsumatur li jkun se jissellef il-flus, bħal per eżempju d-dritt li konsumatur jirtira mill-kuntratt ta’ kreditu mingħajr penali u mingħajr l-obbligu li jagħti ġustifikazzjoni fi żmien ta’ erbatax-il ġurnata mill-konklużjoni tal-kuntratt.
Chris Said qal li dawn huma biss tnejn minn 24 inizjattiva favur il-konsumatur li ttieħdu u qed jittieħdu tul din l-aħħar sena. Inizjattivi oħra jinkludu r-roħs fil-prezzijiet ta’ 129 mediċina bil-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jaħdem mal-istakeholders kollha biex jorħsu aktar mediċini.
Fost l-oħrajn saru spezzjonijiet fi ħwienet u stabbilimenti biex ikun aċċertat li l-konsumatur qed jingħata prodotti ġenwini u ta’ kwalità. Saru spezzjonijiet biex ikun żgurat li l-prodotti mqegħda fuq is-suq huma konformi mal-liġijiet. Kull fejn instab li l-prodotti ma kienux skont l-istandards, l-awtoritajiet konċernati ħadu passi u ħafna drabi s-sidien tan-negozji ikkollaboraw billi mill-ewwel irtiraw il-prodotti mis-suq. Hekk ġara per eżempju fil-każ ta’ tliet tipi ta’ ġugarelli differenti li nstabu li kienu ta’ periklu għat-tfal li jilagħbu bihom.
Chris Said fakkar li din is-sena qed tiddaħħal il-metroloġija legali li teżiġi l-kontrolli meħtieġa fuq kull apparat ta’ kejl biex ikun assigurat li ħadd ma jħallas iżjed milli hu obbligat għal xi prodott li jkun xtara. Barra minn hekk daħlu fis-seħħ emendi ghar-Regolamenti dwar it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi intiżi biex dan ikun aktar effettiv u jasal għal deċiżjonijiet fi żmien iqsar.
Minbarra li daħlu l-istandard nazzjonali dwar il-playgrounds u l-linji gwida dwar il-bejjiegħa tal-ħut fit-toroq, issa qed isir xogħol biex jitfassal standard nazzjonali ġdid dwar l-aċċessibilità f’postijiet pubbliċi.
Is-seminar tratta diversi temi fosthom it-twaqqif tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, il-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur, dwar l-Istandards u l-Kwalità tal-Prodotti li jitqiegħdu fis-suq Malti, dwar il-Garanziji u l-Konsumatur. Fost il-kelliema kien hemm Dr. Sylvann Aquilina-Zahra, Senior Legal Advisor fis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta, Francis E. Farrugia, Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Istandards, Godwin Mangion, l-Aġent Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, Joyce Borg, Direttur u Irene Bonello, Case Officer, fl-istess Dipartiment.
L-attivitajiet għall-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur ikomplu nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu b’attività għall-familja kollha fil-Picnic Area f’Ta’ Qali li tibda f’12pm. It-Tlieta 15 ta’ Marzu se ssir konferenza fil-lukanda The Palace f’Tas-Sliema. Il-parteċipazzjoni hi b’xejn iżda l-postijiet huma riżervati. Kull min jixtieq jipparteċipa għandu jibgħat email fuq odette.vella@gov.mt
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003