Eluf jaqsmu l-fliegu għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2011
Minn nhar il-Ħamis li għadda għadd ta’ Maltin bdew jaqsmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex, biex iqattgħu l-jiem tal-karnival fil-gżira ta’ Għawdex. Filwaqt li kkumplimenta l-atmosfera brijjuża ta’ dawn il-jiem, l-influss tal-Maltin iġġenera wkoll attività kummerċjali f’dan iż-żmien pjuttost kwiet tas-sena.
Kienu bosta dawk li ħonqu t-toroq u l-pjazez tal-Belt Victoria u ta’ rħula oħra f’Għawdex biex isegwu l-attivitajiet u l-programmi mħejjija għal dan iż-żmien. Il-karnival spontanju tan-Nadur reġa’ kien attrazzjoni partikolari għal dawk kollha li għażlu li jżuru lil dan ir-raħal fl-iljieli matul tmiem il-ġimgħa.
Filwaqt li kienu bosta l-Maltin li rritornaw lura Malta matul il-jiem tal-Ħadd, oħrajn għażlu li jibqgħu jgawdu l-jumejn li fadal mir-renju tar-Re tal-Karnival 2011. Minbarra li jgawdu x-xeni pittoreski tal-gżira ta’ Għawdex waqt dan iż-żmien tas-sena, dawn il-viżitaturi ser ikollhom okkażjoni jsegwu l-avvenimenti finali mħejjija fil-programm tal-attivitajiet tal-karnival ta’ din is-sena. Dawn l-attivitajiet jinkludu defilè grandjuż tal-Karnival li ser isir għada t-Tlieta fis-6.00 p.m. tul Triq ir-Repubblika sa Pjazza Indipendenza, fejn imbagħad għal ħabta tas-6.30 p.m. ikun hemm spettaklu mill-kumpaniji taż-żfin, karrijiet trijonfali u maskri grotteski. Il-karnival spontanju tan-Nadur jagħlaq ukoll is-separju t-Tlieta filgħaxija.
Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex jiġi organizzat kull sena mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003