STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem għall-gallarija u jiżbalja
Il-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu wera biċ-ċar kemm ma jsegwix dak li qed iseħħ madwaru u jinteressah biss li jitkellem għall-gallarija filwaqt li jfajjar, jivvinta u jiżbalja.
Joseph Muscat żbalja meta qal li pajjiżna laħaq biss terz tal-mira tal-enerġija alternattiva għas-sena 2010. Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru l-Erbgħa 23 ta’ Frar, il-Ministeru spjega li skont in-National Renewable Energy Action Plan (NREAP), sottomess minn Malta u li hu pubbliku, pajjiżna ma kellu l-ebda mira x’jilħaq fl-2010 u għandu l-ewwel mira li jilħaq 2% tal-enerġija li nikkunsmaw għall-perjodu 2011-2012. Din il-mira hija parti mill-obbligu ta’ pajjiżna li jilħaq mira li jiġġenera 10% tal-enerġija kkunsmata minn sorsi rinovabbli sal-2020.
Joseph Muscat żbalja wkoll meta fuq l-irdieden tar-riħ qal li jidher li dawn ma jistgħux isiru. Eżattament fl-1 ta’ Frar, il-Ministeru waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar ir-riżultati ta’ sena fuq il-kwantità ta’ riħ li jgħaddi minn fuq is-Sikka l-Bajda, sit propost biex isiru l-wind farms fuq il-baħar. Dawn ir-riżultati, għall-kontra ta’ dak li vvinta l-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu, l-istudji meħuda minn wind monitoring mast li ttella’ fl-aħrax tal-Mellieħa juru li r-riħ li jgħaddi minn dik iż-żona huwa tajjeb biżejjed biex titħaddem wind farm. Ta’ min ifakkar li kien l-istess Kap tal-Oppożizzjoni li wara li l-Gvern ħabbar li applika mal-MEPA sabiex isiru aktar studji ħalli fis-sit ta’ Wied Rini jsiru l-wind farms, kien pront imur ibeżża lill-bdiewa li bil-wind farms issir ħsara lil water table.
Joseph Muscat dalgħodu wkoll minkejja numru ta’ spjegazzjonijiet pubbliċi żbalja fir-rigward tal-proġett ta’ kontra l-għargħar. Kif intqal diversi drabi dan il-proġett hu ntiż li jtaffi l-problema tal-għargħar f’pajjiżna. Il-proġett għandu potenzjal illi f’sitwazzjoni fejn tagħmel xita mhux ta’ intensità kbira jista’ jiġbor madwar 650,000 metru kubu ta’ ilma. Dan ifisser li dan il-proġett kapaċi jiġbor u jirriċikla d-doppju tal-volum ta’ ilma li bħalissa jinġabar f’ġibjuni u digi li jinsabu fil-widien li huma taħt ir-responsabiltà tal-Gvern. Fil-Gżira bħala parti minn dan il-proġett se tinbena riżerva li se tkun qed tilqa’ fiha ukoll mal-10,000 metru kubu ta’ ilma li jkunu ġejjin minn Wied Għollieqa u li fih ukoll jista’ jintefa aktar ilma mill-mini tal-proġett ta’ kontra l-għargħar. Dan għaliex din ir-riżerva tal-Gzira għandha sservi biex l-ilma minn hemm, jinżel fil-water table.
Joseph Muscat jivvinta u jiżbalja.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003