Left arrow Go Back

PJAN SOSTENIBBLI LI JIPPROMWOVI STILI TA’ ĦAJJA SANA

pr0422
Date Icon 04/03/2011

Proġett imħaddem bejn seba’ Kunsilli Lokali u l-Kulleġġ Santa Tereża

Seba’ Kunsilli Lokali u s-seba’ skejjel tal-Kulleġġ Santa Tereża qed jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni ta’ proġett maħsub biex tinħoloq strateġija sostenibbli fil-komunitajiet li jirrappreżentaw. Il-proġett imsejjaħ ‘Minn barra sa ġewwa ... komunità waħda favur stili ta' ħajja sana’, iħeġġeġ dieta tajba u l-konsum ta’ ikel bnin, iħajjar lin-nies jagħmlu aktar attività fiżika, u jieħu inizjattivi favur l-ambjent billi jiżdiedu s-siġar indiġeni u billi l-iskart ikun separat għar-riċiklaġġ. Minn din l-istrateġija se jgawdu setturi differenti tas-soċjetà - it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha s-Sindki ta’ Birkirkara, Santa Venera, l-Iklin, Ħal Lija, Ħal Balzan, l-Imsida u Ta’ Xbiex, flimkien mal-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża Frank Fabri u l-kapijiet tal-iskejjel li jagħmlu parti minnu, ippreżentaw uffiċjalment il-proġett. Il-proġett qed isir bl-għajnuna finanzjarja tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali permezz tal-iskema ta’ Finanzjament għal Lokalitajiet Sostenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said faħħar l-inizjattiva ta’ dan il-konsorzju ta’ Kunsilli Lokali u skejjel li qed jaħdmu flimkien biex jassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħhom. Hu qal li għal komunitajiet rurali l-innovazzjoni tista’ tkun iċ-ċavetta tas-sostenibbilità, kif diġà qed juru lokalitajiet bħal Ħad Dingli u San Lawrenz bl-implimentazzjoni tar-rapporti sostenibbli li ppreżentaw fix-xhur li għaddew.

Chris Said qal li fil-każ ta’ dawn il-lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta, li flimkien jiffurmaw ċentru urban estensiv, l-enfasi għandha tkun fuq l-informazzjoni, l-azzjoni u fuq l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet biex tiżdied il-kuxjenza favur l-ambjent u favur stil ta’ ħajja attiv. Hu qal li din l-istrateġija hi essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-lokalitajiet fis-snin li ġejjin. Hu ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jassiguraw it-twettiq tal-proposti li ħarġu minn dawn ir-rapporti.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvernijiet Lokali għandhom rwol edukattiv ewlieni fil-ħidma lejn żvilupp sostenibbli. Dan għaliex huma l-eqreb entitajiet amministrattivi u eżekuttivi għaċ-ċittadini. Hu qal li s-suċċess tal-kisbiet tal-Kunsilli Lokali għandhom jitkejlu min-numru ta’ inizjattivi pożittivi li jieħdu u mill-effett li dawn iħallu fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom.

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża Frank Fabri spjega l-ħidma li qed issir f’dan il-proġett. Diġà twaqqaf network bejn l-imsieħba involuti, tfassal pjan strateġiku, tlesta sit elettroniku u bdiet il-kampanja ta’ informazzjoni. Fil-futur se jkunu organizzati numru ta’ attivitajiet għall-familja kollha. Aktar dettalji dwar il-proġett jistgħu jinkisbu wkoll mis-sit elettroniku www.hajjasana.com li tnieda llum stess.

Dan il-pjan hu biss wieħed minn ħdax-il pjan sostenibbli li qed jitfasslu bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Il-pjani ta’ San Lawrenz, Ħad Dingli u l-Ħamrun diġà tlestew filwaqt li bħalissa seba’ Kunsilli Lokali, b’mod individwali, qed ifasslu l-pjani tagħhom. Dawn huma l-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Għajnsielem, l-Għarb, il-Kalkara, Ħal Kirkop, il-Mellieħa u r-Rabat f’Malta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow